It-Tlieta filgħodu, il-Qorti se tiddeċiedi dwar il-ħelsien mill-arrest ta’ Keith Schembri, missieru Alfio Schembri, Malcolm Scerri u Robert Zammit, li jaħdmu fil-kumpanija Kasco.
Dan hekk kif it-Tnejn kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-erba’ imputati li jinsabu akkużati b’korruzzjoni, ħasil ta’ flus u frodi, fost oħrajn.
Waqt it-trattazzjoni tal-ħelsien mill-arrest, l-Avukat Difensur Edward Gatt appella sabiex il-Qorti tara dak kollu li ħareġ s’issa, bil-Prosekuzzjoni argumentat kif l-investigazzjonijiet għadhom fi stadju bikri u żiedet tgħid kif l-akkużi mifruxa fuq perjodu ta’ snin u mhux biss fl-elfejn u għaxra.
Il-Prosekuzzjoni qalet ukoll kif dan il-każ ilha tinvestigah mill-elfejn u sittax, hekk kif kien hemm investigazzjonijiet mill-FIAU.
Semmiet ukoll kif hemm numru ta’ xhieda pajżana u qalet kif l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u mhux eskluż jkun hemm xi nies oħra li jitressqu l-Qorti.
Waqt din il-kumpilazzjoni, l-ewwel xhud kien Emanuel Schembri, li huwa manager fi ħdan it-Taqsima tar-Reati Kriminali. Huwa semma kif fil-kumpanija BTI Management Ltd., li hija ta’ Brian Tonna u Karl Cini, kien hemm tnejn u għoxrin tranżazzjoni li jammontaw għal sitt mitt elf ewro (€600,000). Dawn jinkludu wkoll ċekkijiet minn kumpaniji barra l-pajjiżi, ġewwa l-British Virgin Islands u Ġibiltà, fejn is-sid tagħhom huwa Keith Schembri.
Fuq il-pedana tax-xhieda xehdu żewġ uffiċjali tal-pulizija, fosthom l-Ispettur Tonjoe Farrugia u l-uffiċjal Nathaniel Scerri, fejn xehdu kif fit-tmienja ta’ Marzu fis-sitta ta’ filgħodu arrestaw lil Alfio Schembri f’daru f’Bormla. Intqal kif fit-tfittxija sabu dokumenti relatati u f’safe kien hemm ħdax-il elf u tliet mitt ewro (€11,300), li ġew minn wirt.
Ir-raba’ xhud kien Marco Pisani, li huwa uffiċjal tal-pulizija li qal kif f’Settembru li għadda l-pulizija għamlet tfittxija fid-dar ta’ Keith Schembri fil-Mellieħa, wara marru ġewwa Bormla u wara marru fil-fabbrika tal-kumpanija Kasco ġewwa Bulebel.
Wara x-xhieda beda il-kontro-eżami tal-Ispetturi Anne Marie Xuereb u Anthony Xerri.
Hawnhekk, l-Ispettur Xuereb qalet li fl-inkjesta Maġisterjali ma ħareġ li hemm l-ebda prova ta’ kickback fil-programm tal-IIP. Intqal kif il-pulizija ma kellmitx lil tliet Russi li ssemmew f’din l-inkjesta dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
L-Ispettur Xerri qal kif dwar l-inkjesta l-oħra, l-investigazzjoni bdiet meta rċievew ir-riżultati tal-inkjesta. Intqal kif it-Times kienet stiednet u kellmet diversi kumpaniji, fejn f’safriet kien hemm l-ogħla uffiċjali tat-Times biex jaraw kif jaħdmu dawn il-magni tal-istampar. Waqt dan il-kontro-eżami ntqal kif il-magni tal-kumpanija Kasco kienet ta’ żewġ miljuni u nofs ewro irħas mill-kompetituri l-oħrajn, li b’kollox kienu tlieta.
F’digriet ieħor, il-Maġistrat ordnat sabiex l-assi tal-imputati jibqgħu ffriżati.
15:53 – Il-Maġistrat tgħid kif id-digriet dwar il-ħelsien mill-arrest se jingħata għada filgħodu fit-8:30.
15:48 – Qalet kif hemm numru ta’ xhieda pajżana u qalet kif l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u mhux eskluż li jkun hemm xi nies oħra li jitressqu l-Qorti.
15:45 – Il-prosekuzzjoni żiedet tgħid kif mill-2016 kien hemm l-investigazzjonijiet mill-FIAU u żiedet tgħid kif hija impressjonni żbaljata li kulħadd qagħad kwiet bilqiegħda.
15:43 – Il-prosekuzzjoni qalet kif iċ-ċertifikat ta’ Alfio Schembri li ġie ppreżentat mar-rikors kien ta seba’ snin ilu.
Qalet kif l-investigazzjonijiet għadhom fi stadju bikri, filwaqt li qalet kif dawn l-akkużi saru f’perjodu ta’ diversi snin u mhux fl-2010 biss. Żiedet tgħid kif hemm akkużi li jibqgħu għaddejjin sal-2019.
15:38 – Il-Maġistrat tgħid li tifhem li m’hemmx biża’ li l-akkużati jaħarbu mill-pajjiż.
15:25 – Qal kif il-Qorti għandha tistaqsi kif numru kbir ta’ xhieda li telgħu quddiem il-Qorti llum kienet dwar dawk li marru sabiex arrestaw lil Alfio Schembri.
15:23 – Dr Gatt qal li n-nies hemm barra qed jistaqsu kif akkużat mill-ħdax li ġew imressqa, ħareġ dakinhar bil-ħelsien mill-arrest, filwaqt li Alfio Schembri nżamm arrestat.
15:22 – Qal kif l-erba’ akkużati ħaqqhom il-ħelsien mill-arrest.
15:19 – L-Avukat Difensur argumenta kif fix-xhieda tal-lum ħareġ li l-awdituri li kellhom jagħmlu double-checking, ma ġewx mitkellma mill-pulizija dwar dan il-każ.
15:17 – Qal kif s’issa f’dan il-proċess, il-Maġistrat qalet kif ma kien hemm l-ebda kickbacks.
15:12 – L-Avukat tad-difiża Edward Gatt appella biex il-maġistrat għandha tara quddiemha l-proċess li ġara s’issa. Qal li hemm ħafna nies li lil Keith Schembri ma tantx iġibuh, iżda qal kif dan m’għandux x’jaqsam.
15:11 – Tibda t-trattazzjoni tal-ħelsien mill-arrest tal-akkużati.
14:59 – Il-kontro-eżami kompla wara l-bibien magħluqa.
14:53 – Dwar dawn il-magni, it-tmexxija tat-Times kienet għamlet preżentazzjoni minn Vince Buhagiar.
14:52 – Intqal kif il-prezz tal-magna tal-kumpanija Kasco kienet €2.5 miljun orħos minn ta’ kumpaniji oħrajn.
14:49 – L-Ispettur qal kif Vincent Buhagiar kien espert tas-sistema li riedet it-Times, dik li taħdem bil-UV.
Intqal kif kien hemm tlett applikazzjonijiet, f’tender li ħarġet għall-magni mit-Times, b’waħda minnhom kienet tal-kumpanija tal-Kasco.
14:46 – L-ispettur spjega kif it-Times kienet stiednet u kellmet diversi kumpaniji, fejn siefret magħhom biex juruhom kif jaħdmu dawn il-magni. Ikkonferma wkoll li għal dawn is-saffriet kien hemm preżenti kumpaniji differenti u magħhom kien hemm l-ogħla rappreżentanti tat-Times, fosthom Austin Bencini.
14:43 – L-Ispettur jgħid li l-investigazzjoni bdiet meta rċievew ir-riżultati tal-inkjesta.
14:42 – Meta mistoqsi jekk tkellimx ma’ xi ħadd mill-Progress Press jew Allied Newspapers sa qabel tressqu Keith Schembri u l-oħrajn, l-Ispettur qal li hemm dejjem baqgħu fuq l-inkjesta.
14:41 – Dr. Vassallo jistaqsi lill-Ispettur jekk huwa investigax għaliex Progress Press riedet tmur f’post ġdid, fejn huwa wieġeb le.
14:37 – Issa tela’ fuq il-pedana tax-xhieda l-Ispettur Anthony Xerri, fejn se tibda l-kontro-eżami tegħu. Huwa se jkun qed jitkellem dwar l-inkjesta tal-Maġistrat Josette Demicoli.
14:36 – L-Ispettur tgħid kif kemm Keith Schembri u anke Alfio Schembri kkopperaw direttament mal-Pulizija.
14:32 – L-Avukat Difensur argumenta kif il-Pulizija kellha l-obbligu li tgħid x’inhu l-falz.
14:31 – Dr Mark Vassallo qal kif din l-inkjesta saret fuq gibda għax ma kienx hemm kickbacks, bl-Ispettur hawnhekk tgħid li ma kienx hemm provi li ma kienx hemm kickbacks.
14:27 – Jistaqsi x’kienet il-gidba li qal Keith Schembri. Qalet kif mill-investigazzjonijiet li saru ħareġ kif Brian Tonna ma kellux bżonn li jissellef dawk il-flus.
14:26 – Meta mistoqsija jekk kinitx hi li għamlet l-akkuża li Keith Schembri xehed falz, qalet li dan ġie deċiż mill-ispetturi l-oħra.
14:24 – L-ispettur qalet kif Brian Tonna waqt l-inkjesta qal lil maġistrat li huwa kien qed jibża li juża l-assi tiegħu, minħabba li kien għaddej mill-proċess tad-divorzju minn ma’ martu.
14:18 – Intqal kif il-pulizija ma kellmitx lit-tliet Russi li ssemmew fl-inkjesta tal-bejgħ tal-passaporti. Qalet kif il-pulizija ma ħassitx il-bżonn li jkellmuhom, hekk kif huma xehdu fl-inkjesta Maġisterjali.
14:16 – L-ispettur qalet li fl-inkjesta ma jissemmewx kickbacks.
14:15 – Qalet kif l-inkjesta tal-Maġistrat Galea Sciberras kienet fuq it-trasferiment ta’ €50,000 bejn Keith Schembri u Brian Tonna, li din tirrigwarda l-kumpanija Willerby, li hija ta’ Tonna.
14:13 – L-avukati jistaqsu jekk hija kinitx involuta fl-investigazzjonijiet wara l-inkjesti tal-Maġistrat Natasha Galea Sciberras ta’ Josette Demicoli, bl-Ispettur twieġeb fl-affemattiv.
14:12 – Tibda l-kontro-eżami tal-Ispettur Anne Marie Xuereb.
14:09 – Fuq il-pedana tax-xhieda telgħa r-raba’ xhud li huwa Marco Pisani. Huwa qal li fit-22 ta’ Settembru, huwa flimkien ma’ kollegi oħra marru jagħmlu tfittxija fid-dar ta’ Keith Schembri fil-Mellieħa. Qal kif hemmhekk sabu żewġ mobiles u xi dokumenti. Intqal kif wara marru Bormla, fejn għamlu tfittxija iżda ma nstab xejn. Wara marru fil-fabbrika tal-kumpanija Kasco ġewwa Bulebel u minn hemm ħadu laptop u tower tal-kumpanija.
14:08 – Id-difiża staqsiet jekk Alfio Schembri kkoperax magħhom, qal li huwa kkoopera.
14:04 – Nathaniel Scerri li huwa uffiċjal tal-pulizija huwa t-tielet xhud, qal kif għall-ħabta tas-6:00 ta’ filgħodu marru fid-dar f’Bormla. Huwa qal fetħitilhom il-mara ta’ Alfio. Qal li għamlu fid-dar f’Bormla, sal-10:00 ta’ filgħodu.
14:02 – Intqal kif l-ammont ta’ flus li nstabu fis-safe, li wassalhom għalih Alfio Schembri kienu ġejjin minn wirt.
14:01 – Qal kif f’dar oħra f’Wied il-Għajn li hija ta’ Alfio Schembri, saret tfittxija imma ma nstab xejn.
13:56 – Jitla’ jixhed l-Ispettur Tonjoe Farrugia, li huwa spettur fit-Taqsima tal-Ħasil tal-Flus, fejn qal li fit-8 ta’ Marzu li għadda arrestaw lil Alfio Schembri f’daru f’Bormla. Intqal kif kien hemm preżenti waqt l-arrest, il-mara tiegħu u saret tfittxija fid-dar. Qal kif fis-salott sabu xi dokumenti dwar il-kumpanija Kasco u f’sejf li tagħhom aċċess għalih is-sur Schembri ġew elevati €11,300. Qal kif mill-kamra tas-sodda nġabru seba’ mobiles, li m’għadhomx jintużaw.
13:53 – L-uffiċjal semma diversi tranżazzjonijiet oħra li ġraw u ntqal li l-pulizija analizzat 44 tranzazzjoni oħra li ġraw bejn l-2015 u l-2016, li wassal għal €600,000.
13:44 – Ix-xhud semma iżjed tranżazzjonijiet, b’waħda minnhom kienet ta’ €50,000 mill-kumpanija Kasco, fejn kien hemm l-inizzjali ‘KS’. Semma wkoll kif hemm tranżazzjonijiet minn Ġibiltà, li sid tagħha kien Keith Schembri u tranżazzjoni oħra mmarkata bħala ‘Loft’.
13:41 – Fost dawn kien hemm diversi tranżazzjonijiet tal-kumpaniji, fosthom dik ta’ €70,000 lil Colson Services Ltd reġistrata fil-British Virgin Islands, fejn l-ultimate beneficial owner tagħha huwa Keith Schembri.
13:39 – Ix-xhud qal kif f’dan il-kont kont kien hemm 22 tranżazzjoni li b’kollox jammontaw għal €600,000, li seħħew bejn Lulju 2013 u Settembru 2015.
13:35 – Qal kif huwa kien qed jinvestiga l-kont tal-kumpanija BTI Management Ltd li imbagħad ġiet bħala BT Financial Limited li kienet ġiet imwaqqfa fl-2010. Semma kif mal-bank lokali BOV din il-kumpanija kellha seba’ kontijiet, b’erba’ minnhom għadhom attivi. Din il-kumpanija msemmija mix-xhud hija rappreżentata minn Brian Tonna u Karl Cini.
13:33 – Ix-xhud qal kif l-investigazzjonijiet ta’ dawn it-tranżazzjonijiet marru lura b’ħames snin.
13:30 – Fl-awla jidħol l-unika xhud, Emanuel Schembri li huwa manager fi ħdan it-Taqsima tar-Reati Kriminali. Qal kif twaqqfet taskforce f’Settembru li għadda, li x-xogħol tagħha kien li jaraw l-investimenti u affarijiet oħra tal-erba’ akkużati.
13:27 – Jidħol ukoll ir-raba’ akkużat, Robert Zammit u wara tidħol il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
13:24 – F’Awla 22 jiddaħħlu Keith Schembri flimkien ma’ missieru Alfio. Flimkien magħhom daħal Malcolm Scerri.
13:07 – F’Awla 22 hawn diversi persuni, fosthom l-avukati tal-akkużati u l-prosekuzzjoni, iżda s’sissa għadhom ma ddaħlux l-akkużati.
Aktar qabel – Għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar, fil-Qorti se tkompli l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, missieru Alfio Schembri, Malcolm Scerri u Robert Zammit mill-kumpanija Kasco.
Dawn jinsabu akkużati b’korruzzjoni, ħasil ta’ flus u frodi, fost oħrajn.
Illum mistenni jsir il-kontro-eżami tad-difiża għax-xhieda tal-prosekuzzjoni.