Is-sit tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista spiċċa jikkopja kelma b’kelma aħbar li ppubblika ONE News fuq one.com.mt il-Ħadd filgħaxija.
L-aħbar kienet dwar tifel ta’ ħdax-il sena li waqa’ f’bir fis-Siġġiewi u li fortunatament ittella’ ftit tal-ħin wara min-nies li kienu fuq il-post.
Kif jixhdu ritratti ta’ dak li ppubblika NET News, ir-rapport huwa kelma b’kelma ta’ dak li rrapporta ONE News.
Saħansitra NET News spiċċa ppubblika l-kliem, “minn informazzjoni li kiseb ONE News”.
B’din is-sentenza, ONE News mhux ċert jekk NET News ikkuppjax din is-sentenza kelma b’kelma jew inkella ONE News spiċċax ukoll is-sors użat mill-midja Nazzjonalista.
Jirriżulta wkoll li ftit wara, NET News neħħa l-kliem ONE News iżda ħalla l-artiklu kelma b’kelma ta’ dak irrappurtat fuq one.com.mt
Fil-fatt bil-kliem ONE News barra mis-sentenza, l-affari ġiet agħar għaliex ma baqgħetx tagħmel sens u ġiet taqra, “Minn informazzjoni li kiseb jidher li”.
Intant wara xi ħin NET News biddel l-istorja u ma ħallihiex tidher kelma b’kelma kif irrappurtata fuq ONE News.
Skont l-aħħar stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir, f’jum minnhom il-bullettin tal-aħbarijiet tas-sebgħa u nofs ta’ filgħaxija ta’ ONE News jikseb it-tripplu tal-udjenza miksuba għall-bullettin tal-istess ħin ta’ NET News.
U propju ftit tal-jiem ilu, f’intervista ma’ Chris Peregin tal-Lovin Malta, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech faħħar lil ta’ NET News, l-istazzjon tal-aħbarijiet li lbieraħ spiċċa kkopja lil ONE News fuq rapport tal-kronaka.
B’referenza għall-iżviluppi tal-Qorti tas-Sibt 20 ta’ Marzu, Bernard Grech qal, “Tajna eżempju ta’ kif għandu jkun rappurtaġġ.”