F’żoni rurali fir-raħal pittoresk tal-Qrendi, ġew investiti sitt mitt elf ewro f’toroq li jlaħħqu kważi żewġ kilometri.
Dan l-investiment huwa maħsub li jtejjeb l-aċċessibilità ta’ dawn iż-żoni, speċjalment għar-residenti, ċiklisti u bdiewa.
Il-Ministru Ian Borg qal li investimenti bħal dawn huma ta’ benefiċċju dirett għas-settur agrikolu, u x-xogħol miexi ġmielu hekk kif tlestew proġetti f’aktar minn ħames mitt triq.
Huwa qal, “Qed nagħtu importanza għal x’qed jgħidulna l-Kunsilli, s-Sindki, il-bdiewa u r-residenti f’dawn iż-żoni rurali għax dawn jagħtu aċċessibilità aħjar għal min jaħdem u jgħix fiż-żoni rurali imma ħafna drabi wkoll iservu għal meta wieħed irid konnettività alternattiva bejn l-irħula ħafna drabi.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li dawn il-proġetti huma biss parti minn investiment akbar li jolqot b’mod dirett it-toroq agrikoli.
Huwa sostna: “F’toroq rurali, ġew investiti sbatax –il miljun ewro ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ dawn il-fondi komplejna nagħmlu aċċess aħjar għall-bdiewa kif ukoll aċċess aħjar f’dawn it-tip ta’ toroq li huwa investiment importanti b’mod partikolari għas-settur agrikolu.”
Is-Sindku tal-Qrendi spjega li dan l-investiment huwa ta’ benefiċċju mhux biss għar-residenti imma wkoll għall-ħafna turisti li jgħaddu minn dawn it-toroq biex iżuru siti bħal Ħaġar Qim, Għar Lapsi u Wied iż-Żurrieq.