“Int kont l-eroj tal-familja
Fuq il-mard kont rebbieħ
Imma d-destin il-veru kiefer
’il bogħod minna mort tistrieħ”
Dawn kienu wħud mill-versi li kitbu t-tlett aħwa ta’ Ramiro Mallia, iż-żagħżugħ ta’ dsatax-il sena li miet it-Tlieta li għadda wara ħruġ ta’ gass minn heater.
Ramiro ngħata l-aħħar tislima s-Sibt waranofsinhar fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi.
Waqt l-omelija, Patri Reno Muscat, li kien jaf mill-qrib lil Ramiro, qal kif iż-żagħżugħ kien bniedem altruwist u bieżel.
Qal kif, “Jiena dwar Ramiro ngħid kien tifel sabiħ minn barra, imma ħafna u ħafna isbaħ minn ġewwa, altruwist. Ma qalx jien erbaħt il-battalja, iżda min ikun fl-istess ilma tiegħu jiġġieled waħdu, le dejjem jara x’jivvinta biex jgħin lil min hu fil-bżonn.”
Preżenti għall-funeral kien hemm diversi żgħażagħ li kienu jmorru skola miegħu, oħrajn li kienu jilagħbu l-futbol, u partitarji fil-klabb Malti tat-tim tal-Milan, li kien iżomm miegħu Ramiro.
Fi tmiem il-funeral, it-tebut inħareġ mill-Knisja bin-noti tal-innu tat-tim tal-Milan fl-isfond.
Indaqqet ukoll il-kanzunetta ta’ Puttinu Cares; l-għaqda li tant ħadem għaliha f’ħajtu Ramiro bl-istess mod li hi għenet lilu fi tfulitu meta kien marid bil-kanċer.