Luzzu li kien fi stat ta’ abbandun ingħata lill-Fondazzjoni tal-Kottonera bħala donazzjoni sabiex jiġi rrestawrat, ħabbar il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt żjara maċ-Chairman tal-Fondazzjoni tal-Kottonera fi Flagstone Wharf, il-Marsa.
Il-luzzu ġie rkuprat mill-Imsida u ttieħed minn Transport Malta. Dan kien qiegħed stivat fil-ħażna fi Flagstone Wharf, il-Marsa.
Il-Ministru Ian Borg qal li dan il-luzzu, fost oħrajn li qegħdin jittellgħu mill-ibħra tagħna. Sostna li l-kien iddikjarat bħala abbandunat, u kien ippubblikat biex jinbiegħ iżda xorta waħda ma nbiegħx u b’hekk ġie deċiż li jingħata bħala donazzjoni lill-Fondazzjoni tal-Kottonera sabiex ikun jista’ jiġi rrestawrat u jitgawda min-nies.
Il-Ministru Borg tenna li l-Gvern kontinwament qed jaħdem għall-komunitajiet tagħna u anke għal dawn it-tip ta’ fondazzjonijiet sabiex jingħataw l-għajnuna meħtieġa.
Min-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-Fondazzjoni tal-Kottonera Glenn Bedingfield irringrazzja lil Transport Malta talli tat din l-opra tal-baħar biex titgawda min-nies flok tiddisponi minnha. Il-Fondazzjoni Kottonera beħsiebha tirrestawra dan il-luzzu u tagħtih donazzjoni lill-Kunsill Lokali tal-Kalkara biex isebbaħ il-lokalità.
Dwar il-lokalità tal-Kalkara, is-Sur Bedingfield esprima sodisfazzjon li fiż-żmien li ġej permezz tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) se jkun qed jara investiment governattiv qawwi sabiex il-Kalkara, bħall-ibliet l-oħrajn tal-Kottonera tkun isbaħ milli hi llum.