L-Awtorità tal-Ippjanar qalet li l-iżvilupp ta’ triq ġdida f’Ħad-Dingli, li qajjem diskussjoni, huwa skont il-liġi.
Qalet li din it-triq tinsab fit-tarf taż-żona ta’ żvilupp skont il-pjan lokali.
L-Awtorità tal-Ippjanar iċċarat dan wara li l-Moviment Graffiti qal li l-iżvilupp ta’ triq fl-inħawi ta’ Triq San Ġwann Bosco m’għaddiex mill-proċess ta’ ippjannar mill-Awtorità ta’ Ippjanar.
L-Awtorità rrimarkat li aġenziji bħal Infrastruttura Malta m’għandhomx bżonn jitlobu permess għal żvilupp ta’ dak it-tip li qed isir u saħqet li l-iżvilupp tat-triq li qed isir huwa skont il-liġi.
Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli kien sostna li t-triq il-ġdida se tagħti aċċess aħjar lir-residenti u kien hemm qbil unanimu fil-Kunsill dwar il-bini ta’ triq ewlenja fi Sqaq il-Mużew, Daħla tas-Sienja u Triq San Ġwann Bosco.