Ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni fil-Port il-Kbir għaddejjin ġmielhom. Dan hekk kif bħalissa għaddejja operazzjoni sabiex jitneħħew tnax-il bastiment mitluq minn dan il-port.
Din l-operazzjoni hija waħda kumplessa, hekk kif dawn il-bastimenti kienu fi stat ta’ tifrik u kompletament mgħaddsa u allura l-ħaddiema li qed jaħdmu fuq din l-operazzjoni jeħtieġu esperjenza kbira.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Infrastruttura, it-Trasport u Proġetti Kapitali Ian Borg qal kif din l-operazzjoni għaddejja minn Transport Malta, flimkien ma’ Infrastruttura Malta.
Il-Ministru Borg qal li dawn l-aġenziji qed jaħdmu fuq numru ta’ proġetti sabiex ikun irriġġenerat dan il-port, li għandu sinjifikat storiku fl-istorja ta’ pajjiżna.
Huwa qal: “Il-port tagħna għandu importanza strateġika. Huwa port li għandu użu differenti, industrijali ta’ merkanzija imma anke turistiku u allura kull post li għandna f’dan il-port irid ikun utilazzat tajjeb.”
Din l-operazzjoni tikkumplimenta ma’ dak li seħħ fl-aħħar ġimgħat, hekk kif tneħħew u salpaw ‘il barra ż-żewġ riggijiet antiki mill-istess port.