Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużati Matthew Pace u Lorraine Falzon mill-kumpanija Zenith. Il-Qorti qalet li hemm biżżejjed provi u tpoġġew taħt att ta’ akkuża.
Dwar ir-rikors tal-ħelsien mill-arrest ta’ Matthew Pace, il-Qorti qieset li l-fedina penali tiegħu hija nadifa għajr għall-vjolazzjoni tat-traffiku waħda. Il-Qorti qalet ukoll kif il-provi huma ppreservati mill-inkjesta. Għalhekk il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Dan bil-kundizzjonijiet li ma jkellimx xhieda tal-Prosekuzzjoni u li jiffirma fl-għassa kuljum bejn is-7:00am u 12:00pm. Dan filwaqt li għandu jidħol id-dar qabel it-tmienja ta’ filgħaxija u ma joħroġx qabel is-7:00am. Dan fuq depożitu ta’ €40,000 u garanzija personali ta’ €60,000.
Dwar il-ħelsien mill-arrest ta’ Lorraine Falzon il-Qorti rat li l-provi kontra l-imputata huma preservati fl-atti tal-Inkjesta Maġisterjali. Għalhekk laqgħet it-talba wkoll tal-ħelsien mill-arrest tagħha bil-kundizzjoni li tirraporta fl-għassa kuljum bejn is-7:00am u 12:00pm u li wkoll tidħol ġewwa qabel it-8:00pm u ma toħroġx qabel is-7:00. Il-ħelsien mill-arrest ingħata fuq depożitu ta’ €25,000 u garanzija personali ta’ €50,000.
L-Avukat tad-Difiża Edward Gatt qal li sabiex il-proċess jimxi b’mod spedit fuq il-kwistjoni tal-prima facie d-Difiża rrimettiet ruħha. L-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalet li fl-inkjesta jidher li prima facie hemm biżżejjed provi biex l-akkużati jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża, bil-Qorti tilqa’ din it-talba.