Fil-Qorti ngħad kif madwar ħames miljun u nofs dollaru Amerikan mill-profitt li sar fuq il-bejgħ tal-magni tal-istampar lill-kumpanija Progress Press inqasmu bejn Keith Schembri, sieħbu fin-negozju Malcolm Scerri, u l-eks Diretturi Maniġerjali tal-Allied Newspapers, Adrian Hillman u Vince Buhagiar.
Dan ħareġ waqt ix-xhieda tal-Ispettur Joseph Xerri fil-każ kontra Keith Schembri, missieru Alfio Schembri, Robert Zammit u Malcolm Scerri.
Fost l-akkużi li qed ikunu mixlija bihom hemm r-reat ta’ xhieda falza, korruzzjoni u falsifikazzjoni.
Hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda l-Ispettur Joseph Xerri xehed kif dan il-profitt tqassam f’numru ta’ kontijiet offshore sakemm waslu għand dawk li kellhom jirċevuhom.
Il-Qorti semgħet kif il-kumpanija Progress Press spiċċat ħallset madwar sitt miljun u nofs dollaru Amerikan iżjed milli kellha tħallas biex tixtri l-magni mingħand il-kumpanija Kasco.
L-Ispettur Xerri xehed kif dan kien każ ċar ta’ tixħim sabiex il-magni jinxtraw mingħand il-kumpanija Kasco.
Huwa xehed ukoll kif id-Diretturi ta’ Nexia BT Brian Tonna u Karl Cini għamlu l-arranġamenti neċessarji sabiex ikunu jistgħu isiru dawn it-transazzjonijiet.
Xehdet ukoll l-Ispettur Anne Marie Xuereb li qalet kif fil-konklużjonijiet tal-inkjesta, il-Maġistrat kienet qalet li ma nstabux provi li juru li Keith Schembri rċieva xi kickbacks minn Brian Tonna tan-Nexia BT fuq l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment lil tliet persuni ta’ nazzjonalità Russa. Hija madankollu kkonkludiet li l-verżjonijiet ta’ Keith Schembri u Brian Tonna dwar self bejniethom mhumiex kredibbli. Għalhekk l-inkjesta kienet talbet lill-Kummissarju tal-pulizija sabiex jinvestiga iktar fuq ċertu punti.
Hija spjegat ukoll kif Hillman kien jaħdem bħala konsulent għal Schembri mis-sena 2001 wara ftehim verbali bejniethom.
Id-Difiża talbet sabiex il-Qorti ma tagħtix digriet illum dwar il-ħelsien mill-arrest tal-akkużati iżda tistenna sat-Tnejn fejn ser isir il-kontro-eżami taż-żewġ spetturi.
L-Ispettur Joseph Xerri xehed ukoll fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Vince Buhagiar, l-eks Direttur Maniġerjali tal-kumpanija tat-Times. Huwa spjega kif dan ukoll kien irċieva flus fuq servizzi ta’ konsulenza għall-kumpanija Kasco li għalihom ma ħariġx invoices.
L-Ispettur kompla jixhed kif fl-2009 il-Progress Press applikat għall-fondi mill-Malta Enterprise. Il-Malta Enterprise approvat l-applikazzjoni f’Lulju tal-istess sena.
Id-Difiża stqarret li mhux ser tkun qed tikkontesta li tressqu biżżejjed provi prima facie u għalhekk l-Qorti poġġiet lil Buhagiar taħt att t’akkuża.
14:39 – Il-kontro-eżami ġie sospiż għalissa.
Id-Difiża stqarret kif mhux ser tkun qed tikkontesta l-prima facie.
Wara talba mid-Difiża dwar flejjes li jistgħu jkunu rilaxxati mill-ordni ta’ friżar, id-Difiża għamlet talba sabiex il-Qorti tagħmilha ċara sabiex il-bank iħalli lill-akkużat jagħmel użu mill-flejjes li jirċievi bħala pensjoni.
Il-każ ser ikompli jinstema’ fis-27 ta’ April fil-12:15pm.
14:25 – Fl-eżami minn Dr Giglio li qed jidher għall-Progress Press ġie mistoqsi jekk sarx eżerċizzju ta’ kemm kien it-telf minn Progress Press minħabba dawn l-allegat reati. L-Ispettur spjega kif jidher li kien hemm inflazzjoni tal-prezzijiet b’madwar 5 miljuni u nofs.
Fil-kontro-eżami Dr Veronique Dalli staqsiet dwar ix-xiri tal-magna BWS u li għaliha ġew sottomessi tliet offerti. L-Ispettur spjega kif dawn l-offerti ġew skrutinizzati mid-Diretturi tal-Progress Press. Vincent Buhagiar qed ikun inkwadrat fl-ewwel żewġ xiri ta’ magni. Fit-tielet xirja li ssemmiet fix-xhieda tal-Ispettur fis-seduta preċedenti, Vincent Buhagiar mhux qed jitqies li kellu x’jaqsam.
Dwar l-istqarrijiet tal-akkużat fuq konsulenzi li kien jagħti lil kumpanija Kasco huwa qal li kien hemm biss ftehim verbali. Madankollu għal konsulenzi mal-Allied Newspapers huwa qal illi kien joħroġ l-invoices għall-konsulenzi tiegħu għaliex qal li l-kumpanija ma kinitx toħroġ ħlas mingħajr invoices.
14:11 – L-Ispettur semma kif il-kumpanija kellha wkoll il-ħsieb li tixtri t-tieni makkinarju li wkoll inxtara mill-kumpanija ta’ Keith Schembri. Huwa qed ikompli jagħti dettalji dwar l-arrest tiegħu u d-dokumenti li ppreżenta waqt l-istqarrija. Huwa ta spjega dettaljata ta’ x’konsulenzi seta’ jagħti fil-qasam tal-istampar.
Fil-Qorti l-Ispettur ippreżenta d-dokumenti elevati mid-dar tal-akkużat Vincent Buhagiar, l-istqarrijiet tiegħu u d-dokumenti li ppreżenta waqt li ta waħda mill-istqarrijiet tiegħu.
14:03 – Il-kumpanija Progress Press xtrat il-makkinarju għal €18.5 miljun li kien imħallas fuq numru ta’ snin skont il-kuntratt. Dan filwaqt li l-makkinarju kien jiswa €13.8 miljun.
L-Ispettur kompla jixhed kif fl-2009 ‘Progress Press’ applikat għall-sussidju mill-Malta Enterprise. Il-Malta Enterprise approvat l-applikazzjoni fl-Lulju tal-istess sena.
L-investigaturi sabu kif Keith Schembri kien għamel spreadsheet li turi kif Scerri, Hillman u Buhagiar kellhom jirċievu l-pagamenti skont il-ftehim.
13:49 – L-Ispettur qiegħed jagħti ftit informazzjoni ġenerali dwar il-każ. Vincent Buhagiar għamel 40 sena jaħdem għall-Allied Newspapers li kien ukoll Direttur maniġerjali tagħha. Dan sakemm sar ukoll Chairman tal-Progress Press.
L-Ispettur qal kif kien Buhagiar u persuna oħra li għadha mhux akkużata li mexxew in-negozjati sabiex jinxtara apparat għall-istampar għall-kumpanija. Spjega kif tender fl-2007 li għalih saru tliet offerti intrebaħ mill-kumpanija Kasco.
Ħafna mill-informazzjoni li qed jippreżenta l-Ispettur Xerri diġà ġie rrappurtat fis-seduta ta’ qabel.
Fosthom reġa’ tenna kif il-profitt ta’ 5.2 miljun dollaru Amerikan mill-ftehim inqasam bejn erbgħa: Keith Schembri, Adrian Hillman, Vince Buhagiar u Malcolm Scerri.
13:37 – Fl-awla daħal l-akkużat Vincent Buhagiar, eks Direttur tal-Allied Newspapers.
Fl-awla qed jidher ukoll avukat li qed jirrapreżenta lil Progress Press bħala parte civile.
Tela’ fuq il-pedana tax-xhieda l-Ispettur Joseph Xerri sabiex jixhed f’din il-kumpilazzjoni.
13:08 – Tibda l-kumpilazzjoni ta’ Vince Buhagiar l-eks Direttur tal-Allied Newspapers li tieħu ħsieb il-pubblikazzjoni tat-Times.
13:03 – Il-Qorti f’dan l-istadju hija infurmata li ntlaħaq qbil dwar din il-kwistjoni. Il-kawża ġiet diferita għal nhar it-Tnejn mis-1:00 sal-4:00 ta’ waranofsinhar.
12:59 – L-avukati taż-żewġ naħat avviċinaw lill-Qorti u dwar din it-talba.
12:56 – Fil-qorti qam argument dwar rapport li xehed dwaru l-Ispettur Xerri. Id-Difiża talbet għalih iżda l-Prosekuzzjoni ma tridx tgħaddi kopja għaliex qalet li hemm imsemmijin terzi persuni.
Id-Difiża qalet li dan ir-rapport tridu għall-kontro-eżami tal-Ispettur. L-Avukat tal-uffiċċju tal-Avukat ġenerali ssuġġeriet li l-kontro-eżami ma jsirx nhar it-Tnejn. Xi ħaġa li d-Difiża argumentat kontriha anke minħabba li tista’ tkun preġudikata t-talba għall-ħelsien mill-arrest.
12:45 – Id-Difiża talbet ukoll koppja tar-recordings tax-xhieda tal-lum sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħmlu l-kontro-eżami tagħhom nhar it-Tnejn li ġej. Il-Qorti laqgħet it-talba.
12:42 – Il-kontro-eżami tal-Ispettur ġie riservat mid-Difiża. Dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest, id-Difiża talbet lill-Qorti sabiex ma tiddegredax it-talba tal-ħelsien mill-arrest fis-seduta tal-lum minħabba illi d-Difiża ser tittratta l-istess fi tmiem is-seduta ta’ nhar it-Tnejn. Kompla jgħid kif dakinhar id-Difiża fi ħsiebha tikkonduċi l-kontro-eżamijiet tal-Ispettur Xuereb u l-Ispettur Xerri. Intqal kif wara d-digriet għall-għoti tal-ħelsien mill-arrest id-Difiża dejjem mingħajr preġudizzju tirregola ruħha dwar il-prima facie.
12:34 – Il-Qorti nnotat għal darb’oħra li l-Ispettur fix-xhieda tiegħu qed jidħol f’wisq dettall fuq dokumenti li huma diġà ppreżentati. L-Avukat tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali argumentat mal-Qorti li l-Ispettur għandu dover li jixhed dwar dak kollu li jaf u qalet lill-Ispettur sabiex ikompli jixhed. Hawnhekk il-Qorti ordnatlu biex ikompli jixhed skont kif ġie gwidat mill-Qorti.
Dan wara li għal tul ta’ ħin l-Ispettur beda jaqra bl-għaġla biex jidħol f’dettall li hekk kif innotat il-Qorti huwa diġà ddokumentat.
12:26 – L-Ispettur spjega kif dan kien każ ċar ta’ tixħim hekk kif l-akkużat Vincent Buhagiar u persuna oħra li għadha mhux akkużata rċievew flus f’kontijiet personali għalkemm il-ftehim kien sar f’isem Progress Press. Hemm ukoll iktar flus li ġew depożitati li għadu mhux ċar minn fejn ġew. Spjega kif Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT taw pariri ta’ kif għandhom jintużaw il-kontijiet offshore. Dan filwaqt li Matthew Pace, Cini u Tonna għenu fil-preparazzjoni tad-dokumenti neċessarji. Scerri kien insista li l-proċess kien wieħed leġittimu.
12:23 – Beda jitkellem dwar l-arresti fejn Malcolm Scerri ġie arrestat fid-dar tiegħu f’Birżebbuġa. Wara tfittxija fid-dar tiegħu nstabu numru ta’ affarijiet fosthom laptop, mobile, bosta dokumenti u €18,950 fi flus kontanti li ġew ippreżentati fil-Qorti.
Spjega kif Malcolm Scerri kien għamel stqarrija wkoll li fiha spjega kemm jaqilgħu flus hu u martu u xi investimenti li kellu fosthom ma’ Zenith. Huwa kien spjega kif għamel snin jaħdem bħala inġinier ma’ fabbrika lokali u mbsgħad beda xogħol mal-Kasco u daħlu għall-istampar bi sħab ma’ Keith Schembri.
L-Ispettur spjega wkoll kif bejn l-2010 u l-2016 il-kumpanija Kasco biegħet madwar €21 miljun f’materjal lill-kumpanija Progress Press.
12:08 – Il-Qorti semgħet kif il-Prosekuzzjoni temmen li Keith Schembri ħallas b’madwar ħames miljun u nofs dollaru Amerikan f’tixħim.
Dan filwaqt li Matthew Pace mill-MFSP, illum il-kumpanija Zenith, ma setax jispjega minn fejn ġew il-flus ta’ wieħed mill-erba’ persuni u li għadu mhux ikun akkużat.
11:53 – Erġajna dħalna lura fl-awla u l-midja tista’ tkompli tirrapporta dwar ix-xhieda tal-Ispettur Xerri.
11:35 – L-Ispettur qed jagħti rendikont ta’ numru ta’ transazzjonijiet li għaddew bejn numru ta’ kontijiet offshore. Dan bejn dawk involuti u l-MFSP. Huwa spjega kif ħafna drabi kien jintuża Sparkasse Bank’. L-Ispettur Xerri sostna kif dik li suppost kellha tkun transazzjoni sempliċi spiċċat magħmula b’numru ta’ tranżjazzjonijiet.
Semma wkoll kif il-Progress Press kienet irċeviet tliet pagamenti mill-Malta Enterprise wara x-xiri tal-makkinarju.
L-Ispettur Xerri żied jgħid kif Hillman irċieva €400,000 f’kumpanija li kellu fil-British Virgin Islands u €150,000 oħra f’Ġunju tal-2012. B’kollox Progress Press spiċċat ħallset sitt miljuni u nofs dollaru Amerikan żejda.
Il-kumplament tax-xhieda tal-Ispettur Xerri ser tkun qed issir bil-magħluq filwaqt li l-Qorti ordnat sabiex ismijiet li ssemmew fix-xhieda tiegħu u li sa issa għadhom m’għandhomx x’jaqsmu mal-każ ma jkunux imsemmija fil-midja.
11:24 – L-Ispettur xehed kif mill-magna mixtrija l-kumpanija Kasco għamlet qliegħ ta’ 5 miljun dollaru. Huwa xehed li dawn kellhom jinqasmu bejn Schembri, Scerri, Hillman u Buhagiar.
11:12 – Fuq il-pedana tax-xhieda tela’ l-Ispettur Joseph Scerri. Wara li beda jixhed dwar kif bdew l-inkjesti l-Maġistrat qaltlu sabiex ikun konċiż u ma jirrepetix dak li diġà semgħet il-Qorti. L-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali argumentat li l-Qorti mhux tisma’ l-istess. Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech talbet lix-xhud biex ma jirrepetix, hekk kif il-Qorti ġa semgħet kif bdew l-inkjesti.
Huwa qed jitkellem dwar ir-relazzjoni bejn Keith Schembri u Adrian Hillman. Kienu saru tliet offerti għal tliet magni tal-istampar differenti u li waħda minnhom kienet saret mill-kumpanija Kasco. Fil-Qorti ntqal kif Adrian Hillman u Vincent Buhagiar kienu għamlu preżentazzjoni dwar dawn il-magni. Wara kienet intgħażlet l-offerta tal-kumpanija ta’ Keith Schembri. Ix-xhieda hija waħda dettaljata ta’ kif il-magna waslet għand il-kumpanija Progress Press fl-2010. Huwa spjega kif kienu ntużaw numru ta’ kumpaniji.
10:48 – Spjegat kif kienu telgħu Brussell hu Keith Schembri, Adrian Hillman u oħrajn biex jaraw x’magni ta’ stampar kellhom bżonn. Qalet kif huwa spjega kif wara kien intrebaħ it-tender minnhom minħabba li l-prezz kien vantaġġjuż ħafna fuq l-offerti l-oħra li kienu saru. Qal kif Hillman kien ingħata wkoll xi xogħol ieħor fl-industrija tal-films u xi xogħol fil-Libja qabel l-irvellijiet. Spjegat kif fl-istqarrija intqal kif il-kumpanija Kasco għamlu offerta oħra u kienu telgħu l-Iżvizzera u għal Progress Press kien tela’ ċertu Austin Bencini. Qal kif l-offerta reġgħet kienet l-iktar favorevoli u reġgħu ħadu t-tender. Sostna kif kien ingħata wkoll self ta’ miljun ewro lit-Times.
Schembri kien spjega kif wara kien ħareġ mix-xena minħabba l-irwol li kellu bħala Chief of Staff tal-Prim Ministru. Dwar konsulenzi ta’ Adrian Hillman lill-Kasco, u jekk kienx hemm kuntratt bejniethom, Schembri qal li ma kien hemm l-ebda kuntratt għaliex kien ftehim bil-fomm.
Ix-xhud kompliet tispjega kif dakinhar kien mitkellem ukoll Alfio Schembri. Fit-12 ta’ Marzu ġew mitkellma Brian Tonna, Karl Cini u Manuel Castagna li kienu talbu iktar żmien sabiex jaraw id-dokumenti.
Fil-15 ta’ Marzu reġa’ ġie mitkellem Keith Schembri li kien qal kif hemm verifiki li ried jagħmel fl-istqarrija. Dwar konsulenzi ta’ Hillman qal li pprova jsib dokumenti iżda ma kellux. Qal li huwa kien iħalli kollox f’idejn l-awdituri tiegħu biex jieħdu ħsieb huma. Apparti l-lista ta’ xogħol li kien għamillu Adrian Hillman kien qal li dak huwa x-xogħol kollu li kien għamillu u ma kienx hemm iktar. Dwar email li fiha Robert Zammit kien qed jgħid lil Brian Tonna kif iċ-ċekkijiet kellhom joħorġu f’isem Alfio Schembri u mbagħad hu kien jiddepożitahom fil-kontijiet ta’ Schembri, Keith Schembri qal kif dawn ma kinux pagi iżda donazzjonijiet li ried jagħti lil missieru.
Dakinhar bdiet tkun mitkellma wkoll Josette Vella Schembri, mart Keith Schembri.
Fit-18 ta’ Marzu reġgħu ġew mitkellma Karl Cini, Brian Tonna u Castagna li reġgħu talbu iktar żmien biex jaraw id-dokumenti. Dwar is-self Castagna kien qal li għal aktar dettalji kellhom jistaqsu lil Brian Tonna.
Dwar ħlas li ħareġ mill-kumpanija f’isem it-tliet partners, huma qalu li l-ħlas kien qed jitnaqqas mill-kapital ta’ Brian Tonna.
Din kienet ix-xhieda tal-Ispettur Annemarie Xuereb.
Id-Difiża rriservat id-dritt għall-kontro-eżami. Is-seduta ġiet sospiża għal għaxar minuti.
10:29 – Qalet kif dakinhar kienu ġew rilaxxati s-suspettati bil-police bail. Sostniet kif fid-9 ta’ Diċembru 2020 ittieħdet it-tieni stqarrija. Keith Schembri kien ingħata kopja tax-xhieda tiegħu mill-Maġistrat inkwerenti u ġie mistoqsi riedx iżid xi ħaġa jew jibdel xi ħaġa. Huwa qal li ried iżomm ma’ dik l-istess xhieda.
Ix-xhud kompliet tgħid li ttieħdet stqarrija oħra tas-suspettati u din ukoll ġiet esebita fil-Qorti. Fis-26 ta’ Frar 2021 kienu ġew mitkellma tnejn minn Nexia BT, Marie Bondin Carter u Caroline Dingli. Din ta’ l-aħħar ġiet mistoqsija dwar dokumenti li kellhom x’jaqsmu mal-kont tal-BOV. Hija kienet qalet li dak iż-żmien kienet PR ta’ Brian Tonna u kienet għamlithom fuq ordni tiegħu.
Karl Cini u Brian Tonna tteħditilhom stqarrija oħra u hawn għażlu li jirrispondu. Cini kien qal li jikkonferma li kien hemm diversi templates għal Nexia BT, u qal li dokumenti li kellhom x’jaqsmu mal-bank kienu talbuhom l-bank Pilatus stess. Kienet saret referenza għal dokument li kien għamel Brian Tonna u jekk kienx semma li ħa xi self mingħand Keith Schembri u Cini qal li Tonna qatt ma kien tkellem magħhom dwar problemi ta’ flus. Dwar trasferiment li sar minn kumpanija f’isem it-tliet partners tal-kumpanija huwa qal li kien diġà wieġeb fl-inkjesta.
Hawnhekk il-Qorti qalet lix-xhud sabiex tixhed biss dwar affarijiet relatati mal-akkużati. Ix-xhud stqarret li Tonna qal li kien tkellem ma’ Keith Schembri dwar problema li kellu u peress li Schembri kien offra li jgħinu. Dwar kif ingħata dan is-self huwa qal li ma kienx jiftakar iżda jista’ jkun ingħata f’ammonti ta’ €20,000 f’daqqa. Meta mistoqsi għaliex intużaw dawn il-flejjes huwa qal li dawn kien użahom biex iħallas appartament li kellu jmur joqgħod fih.
Hija spjegat kif imbagħad ingħalqet it-tieni inkjesta li fl-2017 ġiet assenjata lill-Maġistrat Josette Demicoli. L-Ispettur spjegat kif fis-7 ta’ Marzu 2021 Brian Tonna, Karl Cini u Manuel Castagna kienu ġew mogħtija l-inkjesta. Hija spjegat ukoll kif kienet ingħatat stqarrija wkoll minn missier Keith Schembri, Alfio Schembri. Fil-11 ta’ Marzu kienet saret stqarrija minn Keith Schembri fejn huwa kien ingħata kopja tal-inkjesta li tirrigwardja lilu. Huwa ġie mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Adrian Hillman, Schembri spjega li kienu ħbieb minħabba li kienu jaħdmu fuq l-istess linja ta’ xogħol. Qal kif għalih Hillman kien persuna valida ħafna.
10:11 – L-Ispettur spjegat kif Brian Tonna kellu ammonti ta’ flus li juru li qatt ma kellu bżonn jieħu self mingħand Keith Schembri.
Il-Qorti talbet lix-xhud tmur għas-sugu tar-reati allegatament imwettqa mill-akkużati li hemm preżenti fl-awla. Issa l-Ispettur qed tixhed dwar l-arrest ta’ Keith Schembri. Hija kkonfermat li għat-tfittxija ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni mingħand l-akkużat. Qalet kif mid-dar tiegħu ġew solevati żewġ mobiles, iPad u laptop fost l-oħrajn. Mill-uffiċċju li kien juża fil-fabbrika tal-Kasco ġew elevati laptop u tower tal-kompjuter. Spjegat kif l-għada bdew jittieħdu l-istqarrijiet tas-suspettati. Hija qalet li l-ewwel li kien ġie mitkellem kien Manuel Castagna. Fissret kif ingħataw kopji ta’ kuntratti ta’ self u kien għażel li ma jweġibx. Hekk ukoll għamlu Karl Cini u Brian Tonna. Qalet kif imbagħad ittieħdet l-istqarrija ta’ Keith Schembri. Ix-xhud sostniet li meta kien mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Brian Tonna u dwar il-kuntratti ta’ self huwa rreferiehom għax-xhieda li ta fl-Inkjesta. Dwar il-kontijiet fil-bank Pilatus huwa kien qal li kien jiftaħ il-kontijiet bħala mod kif jippjana l-finanzi tiegħu.
Rigward ta’ min kienet l-idea li l-mitt elf ewro jidħlu fil-bank Pilatus huwa reġa’ għamel referenza għax-xhieda tiegħu lill-Maġistrat inkwerenti. Huwa ġie mistoqsi wkoll dwar kont tal-Bank of Valletta u trasferimenti li jikkonċernaw lilu. Hawnhekk huwa qal li ma kellux idea ta’ dan il-kont u li Nexia BT kienu l-awdituri tal-kontijiet kollha tiegħu.
9:47 – Il-Qorti ordnat biex l-Ispettur tkompli tixhed dwar l-inkjesta mingħajr mal-istess depożizzjoni tisfa’ inkonsistenti. L-Ispettur kompliet tixhed kif permezz ta’ din l-email Brian Tonna kellu żewġ dokumenti fil-pussess tiegħu. Dwar żewġ transfers ta’ €50,000 il-wieħed li mill-kont ta’ Willerby marru għand Kieth Schembri, dan it-trasferiment kien qed isir mit-tliet partners ta’ Nexia BT b’mod konġunt u mhux minn Brian Tonna waħdu.
Il-Qorti widdbet liż-żewġ partijiet hekk kif qamu ż-żewġ partijiet jargumentaw. Il-Qorti qalet lix-xhud, li jekk dan li qed tixhed dwaru huwa kollu fl-inkjesta, hija għandha biss tagħti stampa ġenerali u mhux tidħol f’dawn id-dettalji.
9:37 – Il-Maġistrat daħlet fl-awla u hekk bdiet is-seduta. L-Ispettur Annemarie Xuereb telgħet fuq il-pedana tax-xhieda. Hija bdiet billi tat rendikont tal-allegazzjonijiet li kienu saru fil-konfront ta’ Keith Schembri f’waħda mill-inkjesti miftuħa fil-konfront tiegħu. Hija qalet kif fil-konklużjonijiet il-Maġistrat kienet qalet li ma hemm ebda evidenza prima facie li turi li Keith Schembri rċieva xi kickbacks minn Brian Tonna tan-Nexia BT fuq l-programmi ta’ ċittadinanza bi investiment lil tliet persuni ta’ nazzjonalità Russa. Hija madankollu kkonkludiet li l-verżjonijiet ta’ Keith Schembri u Brian Tonna dwar self bejniethom mhumiex kredibbli. Għalhekk l-inkjesta kienet talbet lill-Kummissarju tal-pulizija sabiex jinvestiga iktar fuq ċertu punti.
L-Ispettur qalet kif l-inkjesta sabet email li Brian Tonna kien bagħat lilu nnifsu stess illi s-suġġett tagħha kien ‘as discussed’. Hawnhekk qam l-Avukat tad-Difiża Edward Gatt li spjega kif fix-xhieda tagħha l-Ispettur qed tispjega dak li qal ko-awtur ieħor u li għalhekk mhux ammissibli. Huwa tkellem dwar il-possibilità li hemm li Brian Tonna jaċċetta li jixhed u jikkonferma dan meta hu għandu proċeduri paralleli. Il-Maġistrat madankollu qalet li l-Qorti tifhem kif l-Ispettur trid tagħti l-istampa kollha. L-Avukat tad-Difiża qal li mhux aċċettabbli tixhed dwar x’qal xhud ieħor fl-inkjesta. L-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qalet li l-fatt li llum għandek akkużat, dan ma jfissirx li ’l quddiem mhux ser ikun jista’ jixhed. Gatt ivverbalizza li qed jitlob lil Qorti sabiex tiggwida lix-xhud ħalli dak illi huwa inammissibli minħabba li huwa xi ħaġa li sema’ mingħand ħaddieħor u verżjoni ta’ ko-awtur. L-Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Elaine Mercieca Rizzo oġġezzjonat hekk kif qalet li l-Ispettur hija obbligata bil-liġi li tixhed dwar il-fatti kollha li jirriżultawlha mill-investigazzjoni.
9:12 – Fl-awla daħlu l-akkużati Keith Schembri u missieru Alfio Schembri, Malcolm Scerri u Robert Zammit. L-akkużati qed jitkellmu mal-Avukati tagħhom Edward Gatt u Mark Vassallo qabel tibda s-seduta.
Aktar qabel – Illum għall-ħabta tat-8:30am se tibda tinstema’ l-kumpilazzjoni ta’ Keith Schembri. Huwa tressaq il-Qorti nhar is-Sibt li għadda flimkien ma’ missieru Alfio Schembri, Malcom Scerri, Robert Zammit, Brian Tonna, Karl Cini u Manuel Castagna minn Nexia BT, Marie Katrin Bondin Carter u Matthew Pace minn Zenith Finance, Lorraine Falzon u Vince Buhagiar, eks Direttur Maniġerjali ta’ Allied Newspapers li għandha f’idejha l-pubblikazzjoni tat-Times.
Fost akkużi oħra Keith Schembri qed ikun mixli bir-reat ta’ xhieda falza, korruzzjoni u falsifikazzjoni.