L-entità Governattiva li tgħaqqad iċ-ċittadini mal-Unjoni Ewropea magħrufa bħala l-MEUSAC, issa se tinbidel f’Servizzi Ewropej f’Malta. Dan l-eżerċizzju ta’ tibdil sar bil-għan li tissaħħaħ din l-entità filwaqt li ssir aktar effiċjenti f’xogħlha.
Waqt konferenza tal-aħbarjiet, il-Kap Eżekuttiv tal-SEM, Mandy Falzon sostniet kif il-bidla se tibni fuq il-legat b’saħħtu tal-MEUSAC filwaqt li jiġu nfurzati t-tliet pilastri ta’ din l-aġenzija. Dawn huma li tinvolvi ċ-ċittadini Maltin f’diskussjonijiet fuq livell Ewropew, tinforma lill-istess ċittadini fuq is-servizzi tal-Unjoni Ewropea fuq livell prattiku u tagħti s-sapport billi tkun il-kuntatt bejn iċ-ċittadini u l-Unjoni Ewropea.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar sostna li din il-bidla mhix biss kwistjoni ta’ tibdil fl-isem, iżda din turi viżjoni ambizzjuża li se taqta’ l-aġenzija mill-passat filwaqt li ttejjeb is-servizzi tagħha lill-pubbliku. Is-Sur Cutajar żied jgħid kif l-għan aħħari ta’ din l-aġenzija hija biex tavviċina lill-klijenti tagħha hi minflok tistenna sabiex javviċinaha l-pubbliku, u b’hekk ikun qiegħed inaqqas it-taħbil il-moħħ tal-istess klijenti.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru fi ħdan l-Uffiċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela spjega kif matul is-snin avviċinawh diversi organizzazzjonijiet li bbenifikaw mix-xogħol tal-MEUSAC biex ifaħħru x-xogħol ta’ din l-entità. Għalhekk huwa qal li din l-entità għandha reputazzjoni b’saħħitha iżda għandha wkoll l-obbligu li tkompli taddatta għaż-żminijiet u li ma tieqafx tissaħħaħ.
Huwa sostna kif l-Unjoni Ewropea m’għadiex xi ħaġa ta’ barra minn xtutna, iżda hija parti integrali mis-soċjeta Maltija, u għalhekk ix-xogħol ta’ Servizzi Ewropej f’Malta huwa imprezzabbli. Tenna li dan huwa rifless fil-kontribuzzjoni ta’ pajjiżna fix-xiri konġunt tal-vaċċin kontra l-Covid-19, li turi kif il-vuċi tagħna fi Brussell qiegħed jissaħħaħ.