“Ma kien hemm l-ebda indħil fil-proċess u tħallejna naħdmu bil-mod liberu kif xtaqna.”
Din kienet id-dikjarazzjoni li għadda David Galea, li kien Project Manager tal-proġett Electrogas.
Waqt ix-xhieda tiegħu dwar il-proġett tal-impjant tal-Electrogas quddiem il-kumitat għall-kontijiet pubbliċi fil-parlament huwa għal darba oħra kien mistoqsi mid-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina dwar jekk qattx qamlu suspett li kien hemm xi ndħil politiku f’dan il-proġett li wassal sabiex Malta tieqaf tiġġenera l-enerġija mill-heavy fuel oil, l-aktar żejt li jħammeġ.
Qal kif, “Jiena li nista’ ngħid, qatt ma rajt xi ħaġa ħażina fil-proċess personalment.” “X’qed inħoss jiena prattikament hi li l-proċess kellna a ‘freehand’ biex naħdmu prattikament, naħdmu bil-mod liberu kif xtaqna. Jiġifieri ma kienx hemm indħil fil-proċess.”
Dwar żewġ laqgħat li kien preżenti għalihom Keith Schembri fil-proċess, Galea stqarr li dak iż-żmien kien id-dover tiegħu li jara kif kien għaddej il-proċess minħabba l-kariga li kellu.
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat ukoll staqsa jekk fil-proċess tal-għoti tal-kuntratti kienx hemm indħil politiku dwar l-għażla bejn l-offerti. Madankollu x-xhud wieġeb li dan ma kienx il-każ.
Evidentament diżappuntant li dak li qed jgħid ix-xhud ma jdoqqx mar-retorika li b’tant persistenza jrid jimbotta l-Partit Nazzjonalista, Karol Aquilina qal lix-xhud illi ser itih opportunità oħra biex jgħid li llum għandu suspett li kien hemm xi ndħil.
Madankollu x-xhud stqarr hekk.
Qal, “Ara mindu ġraw l-‘events’ illi ġraw f’dan l-aħħar jiena dejjem I try to revisit the process u nara jekk kienx hemm xi ħaġa li potenzjalment saret ħażina pero sinċerament, onestament ma nistax naħseb fuq xi ħaġa partikolari illi ngħid isma’ mela dik il-fatt huwa għalhekk u għalhekk u għalhekk għax tant kellna ‘freehand’ fil-proċess.”