Meta jerġa’ jiltaqa’ l-Parlament nhar it-Tnejn wara l-vaganzi tas-sajf, il-membri se jintalbu japprovaw l-ewwel qari ta’ xejn inqas minn tmien abbozzi ta’ liġi ġodda u mozzjoni dwar il-Pensjonijiet tal-Membri tal-Ġudikatura.
Ħamsa mill-Abbozzi ta’ Liġi l-ġodda jemendaw il-liġijiet eżisteni dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess; l-Kodiċi Kriminali; r-Reġistrazzjoni ta’ Inġenji tal-Ajru; il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali; u l-Att dwar il-Bank Ċentrali ta’ Malta. Abbozz ieħor huwa mressaq mill-Oppożizzjoni u jitlob li jemenda l-Kodiċi Krininali.
It-tnejn l-oħra huma abbozzi totalment ġodda u jintroduċu l-Att tal-2016 dwar il-Midja u l-Malafama u l-Att tal-2016 dwar il-Koabitazzjoni.
Il-mozzjoni dwar il-Pensjonijiet tal-Membri tal-Ġudikatura, se titressaq mill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u tipprovdi għal rati ġodda ta’ pensjonijiet kif stabbilit mil-liġi li għaddiet mill-parlament qabel il-vaganzi tas-sajf.
Il-membri mbagħad se jibdew jiddiskutu fit-tieni qari l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Konvenzjoni dwar Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità , mressaq mill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia.