Ir-riforma proposta fuq il-kirjiet protetti qed tiġi meqjusa dejjem aktar bħala l-akbar riforma soċjali f’pajjiżna għaliex se tkun qed tipproteġi u tassisti 10,000 familja. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, fejn ġie spjegat li bosta familji, ħafna minnhom anzjani, se jkun qed jitħarsilhom id-dritt għal saqaf fuq rashom jekk jirriżulta li jkollhom bżonn l-assistenza tal-Gvern. Filwaqt li r-riforma tkun qed issewwi inġustizzja għas-sidien li ilha sejra lura minn żmien il-gwerra.
Waqt laqgħa mal-General Workers’ Union, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li l-istatus quo qatt ma kienet għażla quddiem liġi li kienet qed tmur kontra l-Kostituzzjoni.
Il-Ministru Galdes stqarr li din il-liġi kienet qed tikser id-drittijiet fundamentali tas-sidien u konsegwentament is-sigurtà u l-istabbiltà tal-familji f’kirjiet ta’ qabel l-1995 kienet qed tiġi kompromessa dejjem aktar. Għal dan l-għan l-Gvern ħass li bħala Stat għandu jerfa’ r-responsabbiltà soċjali minn fuq dahar is-sidien.
Huwa qali din hi riforma soċjali li tagħti lura d-drittijiet lis-sidien mingħajr ma tabbanduna lill-inkwilin.
Il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali sostna li taħt din ir-riforma, dawk li jgħixu fil-kera ta’ qabel l-1995 u jinstab li għandhom bżonn protezzjoni se jkunu qed jingħataw benefiċċju b’saħħtu li jassigura li ma jħallsux aktar minn kwart tad-dħul tagħhom fuq il-kera. Fl-istess waqt l-inkwilini li huma pensjonanti se jkunu qed jirċievu għajnuna li tkopri ż-żieda kollha li hemm fil-kera.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li l-GWU qed tilqa’ din ir-riforma u nnota li dan kien il-pass li jmiss wara l-ewwel riforma li saret f’din il-leġiżlatura fuq is-suq tal-kera. Qal li fix-xhur li għaddew il-GWU kellha l-opportunità tiltaqa’ kemm ma’ sidien kif ukoll ma’ inkwilini u l-bilanċ li qed tippromwovi din ir-riforma hija t-triq ’il quddiem għall-interess ta’ kulħadd.
Il-GWU qalet li r-riforma soċjali, l-aktar il-protezzjoni lill-inkwilini anzjani, ġabet serħan il-moħħ u ċertezza.
Il-Ministru Galdes temm jgħid li din ir-riforma soċjali sabet bilanċ bejn l-interessi ta’ kulħadd u b’hekk qed tneħħi l-inċertezzi li ilhom ikarkru għexieren ta’ snin mingħajr ma tiżra’ biżgħat ġodda.