Investiment mill-privat ta’ ħamsa u għoxrin miljun ewro f’Villa Anna Teresa f’San Ġiljan se jwassal għal mija u sittax-il sodda għall-anzjani, ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani bid-dimensja, servizzi ta’ respite, klinika apposta għall-memorja u anki waħda għall-psikoterapija.
Permezz ta’ dan l-investiment se jkun qed jinħoloq madwar mitt impjieg ġdid.
L-Operaturi ta’ Villa Anna Teresa spjegaw li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali għadha kif ħarġet il-liċenzja biex minn dan ix-xahar, id-dar tibda toffri l-care-at-home-service.
Dan huwa servizz intiż biex l-anzjani li jgħixu fil-komunità jibqgħu jgħixu b’indipendenza ħalli jkunu jistgħu jkomplu bl-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-fatt li anke fi sfond ta’ pandemija, il-privat għażel xorta waħda li jinvesti fl-anzjani.