Wara diversi snin ta’ studju, il-Ministeru għal Għawdex daħħal applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi sabiex jinbena l-breakwater il-ġdid u bżonnjuż fil-port ta’ Marsalforn.
Dan tħabbar propju f’konferenza tal-aħbarijiet f’Marsalforn stess, fejn ġie spjegat ukoll li nfetaħ proċess ta’ konsultazzjoni pubblika għal dan il-breakwater.
Il-Perit Frank Muscat spjega x-xogħlijiet ewlenin li se jsiru f’dan il-proġett.
Qal kif, “Ir-rikostruzzjoni tal-breakwater ta’ Santa Marija, kostruzzjoni ta’ munzell ġebel naturali li se jtina protezzjoni mill-Grigal, filwaqt li l-breakwater se jtina protezzjoni meta l-baħar ikun qawwi mill-Majjistral u Punent. Ser isir ukoll mili tal-bajja biex ir-ramel li maż-żmien ittieħed bil-mewġ jerġa’ jiġi f’postu.”
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal kif il-Gvern qed jiżgura li dan il-breakwater jinbena b’tali mod li ma jkerrahx il-bajja pittoreska.
Spjega, “Il-bilanċ bejn il-protezzjoni li rridu nagħtu lil din l-istess bajja kif ukoll il-viżwal tal-istess ilqugħ sabiex propju kull min iżur din il-bajja poplari u kull min għandu propjetà jibqa’ jgawdi l-ġmiel naturali ta’ din il-bajja.”
Dan il-proġett jikkumplimenta iż-żewġ proġetti importanti l-oħra f’Marsalforn, fosthom dak tal-menqa li huwa lest u anke tal-promenade li mistenni jitlesta sas-sajf li ġej.