Il-benefiċċju għal dawk il-ġenituri li ma jistgħux imorru għax-xogħol biex joqogħdu ma’ wliedhom minħabba l-għeluq tal-istituzzjonijiet edukattivi se jiġi estiż għal dawk il-ġenituri li għandhom tfal b’diżabilità ta’ sittax-il sena jew aktar.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Familja, il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, fejn ġie spjegat li eleġibbli għal dan il-benefiċċju hemm il-ġenituri li qegħdin jirċievu għajnuna għall-Assistenza Miżjuda għal Diżabilità Severa.
Il-Ministri Julia Farrugia Portelli u Michael Falzon spjegaw kif b’din l-estensjoni tal-għajnuna f’pandemija, il-Gvern se jkompli jgħin aktar familji Maltin u Għawdxin biex ma jerfgħux il-piżijiet waħedhom.
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà Samantha Pace Gasan qalet li l-Kummissjoni qajmet dan il-punt mad-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza, sabiex ikun jista’ jibda jingħata l-appoġġ finanzjarju lill-familji tal-persuni b’diżabbiltà li fis-sitwazzjoni preżenti wkoll ma jistgħux imorru għax-xogħol.
Il-ħlas u kundizzjonijiet għal dan huma l-istess bħal dawk li se jieħdu l-ġenituri li għandhom tfal ta’ sittax-il sena jew anqas.
Fost l-oħrajn dan ifisser li l-ġenituri li jaħdmu full time se jieħdu madwar tmien mitt ewro gross fix-xahar filwaqt li dawk li jaħdmu part-time se jieħdu madwar ħames mitt ewro gross fix-xahar.