Il-Gvern din is-sena qed jgħin fl-organizazzjoni t’aktar minn 60 attivita’ kulturali f’Malta u Għawdex.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo, fil-Floriana, fejn nhar il-Ħadd li ġej il-Kunsill Lokali tal-Floriana se jerġa’ jorganizza Ġenna ta’ Ġonna. Din tessebixxi tassew il-ħdura u l-fjur tal-ġonna li tħaddan din il-lokalita’ flimkien ma’ dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kultura u l-istorja Maltija.
Fost-ħafna ġonna li se jkun hemm miftuħin, hemm dak tal-Mall, tal-Argotti, u ta’ San Filep, il-Ġnien tal-Milorda u dak tal-Msida Bastions li joffru xeni mill-isbaħ tal-Port ta’ Marsamxett. Fuq in-naħa l-oħra tal-lokalità ma jonqsux il-ġonna magħrufin bħala dawk ta’ fuq is-sur li jtuk xeni mill-isbaħ u imprezzabbli tal-Port il-Kbir.
Se jkun hemm wirjiet t’arti taħt il-loġoġ u wirjkiet ta’ vetturi antiki biswit Pjazza San Publju (il-Fosos). Se jinfetaħ l-istazzjon tal-ferrovija ta’ taħt l-art, bi gwidi professjonali li se jdawru l-pubbliku mal-passaġġ ta’ dan it-trasport li kien jgħaqqad lill-Imdina mal-Belt Valletta.
Għall-ħabta tal-11.15am se tintlgħab il-logħba tal-Pallamaglio fil-Ġnien tal-Mall, il-logħba li tat l-isem lill-Ġnien tal-Mall. Se jkun hemm ukoll presentazzjoni ta’ kif kien jitella’ l-qamħ mill-Fosos.