Diversi pulizija fi Bristol ġew attakkati wara li eluf ta’ persuni ħarġu fit-toroq jipprotestaw minkejja t-twissijiet ċari sabiex ma jattendux dawn id-dimostrazzjonijiet.
Uħud mill-uffiċjali sofrew ksur, filwaqt li l-vannijiet tal-pulizija ngħataw in-nar fiċ-ċentru tal-belt ta’ Bristol.
Il-folla nġabret sabiex tipprotesta kontra l-abbozz ta’ liġi li qed jiġi msejjaħ min-nies bħala ‘Kill the Bill’ dwar il-pulizija u l-kriminalità fil-pajjiż li qed jiġi diskuss matul din il-ġimgħa.
Dan l-abbozz jekk jidħol fis-seħħ ser ikun qed jagħti l-poter lill-pulizija li jillimitaw u jkollhom kontroll fuq id-dimostrazzjonijiet.
Dan filwaqt li l-pulizija se jkunu jistgħu jimponu x’ħin tibda u x’ħin tispiċċa l-protesta, restrizzjonijiet fuq ksur ta’ paċi pubblika u li dawn l-istess regoli japplikaw anke jekk id-dimostrazzjoni qed issir minn persuna waħda biss.
Jekk wieħed jirrifjuta li ma jobdix dawn ir-regoli dwar kif tiġi organizzata protesta jista’ jeħel multa sa massimu ta’ £2,500 u jiġi meqjus bħala reat.