Il-Partit Nazzjonalista nqabad jigdeb dwar id-dikjarazzjonijiet tiegħu fuq il-vouchers tal-Gvern.
Dan permezz tad-deputat tiegħu Maria Deguara waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-pandemija.
Meta l-ġurnalist ta’ ONE News staqsa għaliex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien staqsa għalfejn il-vouchers tal-mitt ewro kienu għadhom ma ħarġux fl-istess żmien li diġà kien feġġ il-varjant f’pajjiżna, Maria Deguara qalet li l-Partit Nazzjonalista qatt ma tkellem fuq il-vouchers.
Meta kienet mistoqsija: “Imma dwar il-vouchers intom għaliex għidtu fit-8 ta’ Frar li tridu tkunu tafu meta ħerġin il-vouchers jekk kontu tafu li l-varjant qed iħalli l-effetti negattivi. Ma taħsibx li tikkontradixxi lilek innifsek meta tgħid hekk?”
Maria Deguara qalet, “Jien qatt ma tkellimt fuq il-vouchers jiġifieri ma nistax nikkumenta fuq dak li qed tgħid. Imma bħala vouchers qatt ma tkellimna.”
Din id-dikjarazzjoni tmur ’il bogħod ħafna minn kliem il-Kap Bernard Grech meta sa xahar ilu stess ilmenta għax il-vouchers ma ħarġux wara li l-Gvern kien ġa ħabbar li l-għoti tal-vouchers ġie pospost fuq parir xjentifiku tal-awtoritajiet tas-saħħa minħabba li hekk jeħtieġ biex l-imxija tkompli tiġi mrażżna.
Grech kien stqarrr: “U anki fejn jidħlu propju l-vouchers, il-Gvern jgħidilna eżattament x’inhi r-raġuni għalfejn għadu ma ħariġx il-vouchers.”
F’intervisti oħrajn fl-istess żmien, Bernard Grech kien saħansitra ssuġerixxa skemi ta’ skontijiet biex in-nies joħorġu jixtru l-kmamar tal-banju u s-sufanijiet.
Dan għamlu fi żmien meta issa qed jgħid li l-varjant tal-Covid-19, kulħadd kien jaf bih diġà.
Grech kien sostna: “Xorta jista’ joħroġ inċentivi oħrajn biex jagħti possibiltà biex jinvesti, ħalli inti mhux sempliċiment ħareġ jagħmel xagħru jew ħareġ jiekol, imma wkoll mar jixtri wkoll kamra tal-banju jew mar jixtri sufan.”
Lil hinn mid-dikjarazzjoni li tikkuntrasta bil-kbir ma kliem il-Kap, ONE News kompla jistaqsi lil Maria Deguara dwar din id-dikjarazzjoni ta’ Bernard Grech.
B’dahra mal-ħajt Deguara, li tifforma parti mill-Kumitat tal-Partit Nazzjonalista tal-Covid-19, għażlet li tarmi lill-Kap tagħha stess.
Hija fendiet għal rasha u bħal donnha tefgħet ħtija fuq il-Kap hekk kif stqarret li hija m’għandix tirrispondi għal kliemu.
Hija tenniet: “Jien fuq x’qal il-Kap naħseb m’għandix nirrispondi jiena.”