Fil-Kumitat Parlamentari għal Għawdex, id-Deputat Nazzjonalista u kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said, qal li hu qatt ma qal li l-bżonn tat-tieni fibre optic għall-gżira Għawdxija huwa l-Ħrafa ta’ Esopu.
Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri stqarr: “Qiegħed nieħu gost li l-Onorevoli Said darlu l-ħsieb fuq it-tieni fibre optic għaliex l-aħħar li smajtu jitkellem fuqu smajtu jgħidu li dan huwa l-ħrafa ta’ Esopu.”
Chris Said wieġbu: “Jien ma għidtx hekk.”
Iżda ftit tal-ġimgħat ilu d-Deputat Nazzjonalista Għawdxi mar fuq l-istazzjon nazzjonali u saħaq li hija ħrafa ta’ Esopu li l-industrija tal-informatika f’Għawdex kellha bżonn it-tieni fibre optic cable.
Said sostna: “Li l-industrija tal-informatika ma setgħetx topera f’Għawdex minħabba li ma kienx hemm it-tieni fibre optic cable hija ħrafa ta’ Esopu.”
Fl-istess Kumitat Parlamentari, waqt li l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri kien qed iwieġeb lill-Oppożizzjoni dwar ir-riżultati pożittivi li ħalla l-fibre optic, dlonk intervjena d-Deputat Nazzjonalista Joe Ellis u beda jiżuvjetta bis-suġġett.
Ellis qal, “Kellu bżonn it-tieni Fibre Optic Cable iħalli ġid daqs il-ħrejjef ta’ Esopu.”