L-episodju ikrah fl-istorja ta’ Malta fi żmien il-ħakma Ingliża li ħalla erba’ Maltin mejta fl-irvellijiet tas-Sette Giugno ġibed l-attenzjoni ta’ eluf ta’ nies minn madwar id-dinja.
Dan permezz ta’ film b’xeni miġbuda f’pajjiżna u li jinkludi l-atturi ta’ fama internazjonali Harvey Keitel u Malcolm McDow.
Fl-ewwel ġimgħa tiegħu l-film bl-isem ta’ Blood on The Crown’ tela’ fil-ħdax-il post tal-aktar films popolari fuq Apple TV, waħda mill-pjattaformi mfittxija fid-dinja għall-films.
B’kitba tal-Malti Jean-Pierre Magro u b’direzzjoni tat-Taljan Davide Ferrario, il-film juri l-istorja li ħalliet lill-Maltin Wenzu Dyer, Manwel Attard, Karmenu Abela u l-Għawdxi Ġużeppi Bajada, mejtin.
Aktar minn 115-il ċittadin Malti, fil-maġġoranza tagħhom żgħażagħ, kienu ġew ikkundannati l-ħabs wara l-protesti u l-irvellijiet ta’ mitt sena kontra l-Gvern Ingliż.
Kien żmien meta pajjiżna kien qed jgħix fl-għaks wara l-ewwel gwerra dinjija, li t-tmiem tagħha ġab il-ġuħ u l-qgħad.
Riżultat ta’ dan kollu għola l-prezz tal-ħobż u l-aspirazzjonijiet politiċi tal-Maltin ingħataw il-ġenb.
Il-linja li jieħu l-film, oriġinarjament intitolat “Just Noise”, tittratta ż-żewġ perspettivi, minn naħa l-omertà tal-forzi militari Brittaniċi biex jgħattu l-inċidenti li wasslu għall-imbarazzament tal-Imperu u min-naħa l-oħra r-reżiljenza u l-kuraġġ muri minn kull faxxa tas-soċjetà Maltija biex iwettqu din ir-rivolta kontra l-ħakkiema.
It-tnedija tal-film, li hu appoġġjat mill-Kunsill Malti għall-Arti u mill-Fond Maltital-Films saret fl-Istati Uniti u l-Kanada.
Il-film, li jinkludi wkoll taħdit bil-Malti, jara wkoll is-sehem ta’ atturi Maltin fosthom Narcy Calamatta, Marc Cabourdin, Godwin Scerri, Jane Marshall, Erica Muscat u Chris Dingli.
F’dan il-film ħadu sehem ukoll elf persuna u l-ġbid tal-film ħa tletin ġurnata.
Il-postijiet li fihom sar il-ġbid ta’ din il-produzzjoni ta’ kwalità kienu l-Belt, il-Birgu, Bormla u l-Palazz Verdala.