L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini qalet li xjentifikament il-vaċċin għall-Covid 19 tal-AstraZeneca hu sigur u effettiv, filwaqt li jista’ jkompli jintuża mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
Dan intqal il-Ħamis wara nofsinhar mid-Direttur Eżekuttiv ta’ din l-aġenzija tal-Unjoni Ewropea, Emer Cooke. Hija qalet kif it-tilqim hu importanti fil-ġlieda kontra l-pandemija u fakkret li l-benefiċċju tal-vaċċin jiżboq kull effett ieħor li jista’ jwasslek f’qiegħ ta’ sodda fl-isptar.
Cooke qalet, “The Committee has come to a clear scientific conclusion. This is a safe and effective vaccine. Its benefit and protecting people from Covid-19 with the associating risks of deaths and hospitalisation outweigh the possible risks.”
Id-Direttur tal-EMA qalet kif ma nstabet l-ebda rabta bejn il-każijiet tat-trombożi u t-tilqima tal-AstraZeneca iżda sa issa għad ma hemmx evidenza konkreta li tassigura li ma hemmx rabta.
Qalet kif din il-konklużjoni li l-vaċċin tal-AstraZeneca hu sigur waslet wara analiżi xjentifika tal-esperti fosthom fuq awtopsji.
L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini qalet li importanti li l-pajjiżi jsegwu l-effetti li jħalli l-vaċċin fuq in-nies.
Qalet li se jkompli jsiru iżjed investigazzjonijiet sabiex jaraw minfejn qed joriġinaw dawn il-każijiet tat-trombożi.
Dawn il-konklużjonijiet tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini ġew wara li xi pajjiżi madwar l-Unjoni Ewropea ssospendew l-użu ta’ din it-tilqima.
Cooke qalet kif ingħataw iżjed minn seba’ miljun doża tal-vaċċin tal-AstraZeneca f’pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u ħdax-il miljun doża fir-Renju Unit.
Intqal ukoll kif din l-aġenzija qed taħdem mill-qrib mal-aġenzija tas-saħħa tar-Renju Unit.
Matul il-jum tal-Ħamis, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa appellat lill-pajjiżi kollha madwar id-dinja sabiex tkompli tlaqqam lin-nies bit-tilqima tal-AstraZeneca.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/03/18/l-italja-il-latvija-u-l-litwanja-se-jissokktaw-bit-tilqim-tal-astrazeneca/