Fuq ix-xandir nazzjonali, l-eks Prim Ministru u l-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi spjega kif iż-żieda fil-kontijiet tad-dawl kienet meħtieġa.
Lawrence Gonzi kien intervistat fil-programm ‘L-Erbgħa fost il-ġimgħa’ dwar affarijiet li ġraw tul il-ħajja pubblika tiegħu.
Gonzi, li kien qal li vvota bil-qalb biex ma jorħsux il-kontijiet tad-dawl, wassal messaġġ li ż-żieda fil-kontijiet tad-dawl ħalliet il-frott.
Huwa qal, “Fuq din taż-żejt u l-prezz taż-żejt u l-prezz tal-elettriku kienu deċiżjonijiet neċċessarji għal pajjiżna li salvaw lill-pajjiżna f’maltempati kbar.”
Gonzi ġġustifika u ddefenda wkoll iż-żieda tal-ħames mitt ewro fil-ġimgħa li kien ta lill-Ministri fil-Kabinett tiegħu.
Saħaq li għadu jemmen li din kienet idea tajba.
Gonzi stqarr: “Użgur li idea tajba.”
Met kien mistoqsi: “Għadek temmen li hi idea tajba?”
Gonzi wieġeb: “Iva naħseb.”
Għall-mistoqsija: “U taħseb li għandha tidħol? Gonzi wieġeb: “U naħseb li għandha tidħol.”
Lawrence Gonzi kien mistoqsi wkoll dwar ir-referendum tad-divorzju.
Għaxar snin ilu, wara li l-maġġoranza tal-poplu vvutat favur id-dħul tad-divorzju f’pajjiżna, Gonzi kien ivvota kontra l-liġi fil-Parlament.
Minkejja dan il-fatt, Gonzi, li fil-programm anki ġibed il-linja tal-Kap Nazzjonalista preżenti Bernard Grech, qal li hu ma waqqafx id-dħul tal-liġi li daħlet biss bis-saħħa tal-vot favur mid-deputati Laburisti li kienu fl-Oppożizzjoni u xi deputati li kienu fuq in-naħa tal-Gvern ta’ dak iż-żmien.
Gonzi sostna: “Il-liġi tad-divorzju ġiet dibattuta fi żmieni, għaddiet mill-Parlament bl-emendi fi żmieni u bl-ebda mod ma waqqafthom però jiena l-pożizzjoni tiegħi għal dak li huwa personali tiegħi ma ksirthiex, ma mortx kontra tagħha u naħseb li nibqa’ nirraġuna b’dan il-mod.”
Tul il-programm Lawrence Gonzi tkellem ukoll fost oħrajn dwar l-introduzzjoni tal-munita ewro, l-inkwiet intern fil-Partit Nazzjonalista fi żmienu u lil hinn u anki dwar ir-rivoluzzjoni fil-Libja u s-sehem ta’ Malta.