Fil-Parlament, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana qal li l-ekonomija Maltija tiflaħ għal piż tal-pandemija.
Dan għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħra, hekk kif innota r-reżiljenza tal-ekonomija Maltija fi sfida li d-dinja ilha ma tara bħala għal snin twal.
Spjega kif pajjiżna telaq minn minn perċentwall ta’ dejn, meta kkumparat mal-prodott domestiku gross ta’ 43% u saħaq kif l-Italja trid iġorr piż ta’ aktar minn tliet darbiet iżjed minn dak ta’ Malta.
Huwa qal, “U filwaqt illi pajjiżna mistenni li għas-sena l-oħra, il-perċentwal tad-dejn ikkumparat mal-prodott gross domestiku jitla’ bejn wieħed u ieħor għall-55%. Imma jekk nieħdu pajjiż ġarr tagħna, l-Italja, li lkoll nafu mil-liema kriżi u minħabba t-tali kriżi, kellhom jerġgħu jbiddlu l-kompożizzjoni tal-Gvern tagħhom, il-piż tad-dejn hemmhekk ilaħħaq il-155% tal-prodott gross domestiku. Jiġifieri dawn għandhom mija fil-mija aktar dejn milli għandna aħna.”
Fl-2011, taħt il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi, id-dejn ta’ pajjiżna kien ilaħħaq is-70.2%, li jfisser 15% iżjed minn dak tal-lum, meta pajjiżna qed jaffaċċja kriżi ferm akbar bil-pandemija tal-Covid-19.
Il-Ministru Caruana qal li aktar minn qatt qabel, kulħadd qed jirrikonoxxi li huwa neċessarju li l-Gvern ikompli jsostni l-ekonomija b’aktar infiq.
Il-Ministru għall-Finanzi kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Laburista Olivier Scicluna.
Fil-Parlament, il-Ministru għall-Finanzi qal li n-nefqa f’għajnuna li qed jagħti l-Gvern hija importanti sabiex ma jintilfix dak li sar qabel.
Hawnhekk, il-Ministru għall-Finanzi semma kif f’sena ntefqu €814-il miljun sabiex jiġu mgħejjuna n-negozji, il-ħaddiema u l-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Caruana stqarr: “Ikun żball kbir għalina li kieku kellna b’xi mod jew ieħor inwaqqfu l-għajnuna tagħna issa jew nibdew innaqsuha minn issa. Il-għaliex l-isforzi kollha li għamilna, il-flus kollha li nfaqna matul dawn l-aħħar xhur, ma niħdux l-utilità tagħhom, għaldaqstant inkompli ntenni li hemm bżonn li nkomplu b’dan ir-ritmu illi għamilna matul dawn l-aħħar xhur, speċjalment sakemm ifittxu nlaqqmu l-popolazzjoni tagħna, ħalli b’hekk nassiguraw illi nieħdu r-return massimu minn dawn il-miljuni kollha li nfaqqna, matul l-aħħar xhur.”