L-infermiera u t-tim kollu tal-Bank tad-Demm fi Gwardamangia, ingħaqdu mal-kumplament tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa biex jgħinu fil-programm ta’ tilqim għall-Covid-19.
Il-programm ta’ tilqim f’pajjiżna mistenni jkompli miexi b’ritmu tajjeb ħafna, ħaġa li wkoll qed tpoġġi lil Malta fuq nett tal-lista ta’ kemm nies qed jingħataw vaċċin ras għal ras.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon id-Direttur tal-Bank tad-Demm it-Tabib Alex Aquilina, qal kif kien dover tagħhom li jagħmlu dan għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Dr Aquilina spjega: “Aħna ġejna mitlubin biex nagħtu daqqa t’id fejn nistgħu fil-proċess importanti tat-tilqim, u l-istaff tagħna u n-nurses qed jipprteċipaw bis-sħiħ f’dan iċ-ċentru li huwa maġenb iċ-ċentru tal-għoti tad-demm fejn qed inlaqqmu lin-nies b’appuntmaneti mid-Dipartiment tas-Saħħa.”
Biex ma jintilifx ħin fil-proċess, it-Tabib Aquilina spjega kif wieħed għandu jmur liebes biex jieħu l-vaċċin.
Huwa sostna: “Importanti ħafna li ma jiġux b’ħafna lbiers żejjed għaliex inti biex tneħħi qmis titlef qisu minuta tal-inqas tal-ħin, issa jekk għandek 300 ruħ immaġina 300 minuta moħlija. Allura nappellaw li jiġu lebsin t-shirt b’ġakketta fuqha u n-nies ma jdumux jistennew.”
Intant waqt li segwejna mill-qrib il-proċess ta’ kif jiġu ppreparati d-dożi tal-vaċċin minn qabel, l-infermiera tal-bank tad-demm qalulna li huma xorta waħda għadhom qed jilqgħu lil dawk li jixtiequ jagħtu d-demm.