L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jemmen li l-vot għal żgħażagħ ta’ sittax-il sena jħeġġeġ iż-żgħażagħ jipparteċipaw f’deċiżjonijiet importanti li jaffettwaw kemm lilhom infushom kif ukoll ‘l oħrajn. F’ dan il-kuntest, iż-żgħażagħ għandhom bżonn jagħrfu s-siwi tal-vot u l-impatt tiegħu fuq is-soċjeta’ in ġenerali.
Il-Kummissarju tat-tfal qalet li bħala soċjeta’, għandna bżonn nagħrfu li fl-eta’ ta’ sittax-il sena, l-individwu diġa’ jieħu fuq spalltu numru ta’ responsabiltajiet soċjali. Fl-eta’ ta’ sittax-il sena, l-individwu jista’, fost l-oħrajn:
• Jiftaħ u jmexxi negozju
• Jiftaħ u jħaddem kont bankarju
• Jagħmel testment
• Jinżamm kriminalment responsabbli ta’ xi reat.
“Barra minn hekk, jekk ikun impjegat, individwu ta’ sittax-il sena jħallas it- taxxi, u għandu għalhekk jippretendi li jkun rappreżentat,” qalet il-Kummissarju tat-Tfal. Fakkret kif il-Politika Nazzjonali dwar it-Tfal, imnedija x-xahar li għadda, tagħraf li t-tfal għandhom ikunu ċittadini attivi li jinvolvu ruħhom fil-proċess demokratiku, fil-parteċipazzjoni soċjali, fl-attiviżmu ambjentali u l-innovazzjoni, il-volontarjat u l-intrapriża soċjali.
Barra minn hekk kien spjegat kif il-politka tinkoraġġixxi li l-veduti espressi mit-tfal jittieħdu in konsiderazzjoni permezz ta’ parteċipazzjoni demokratika billi jiġi estiż b’mod sħiħ id-dritt għall- vot liż-żgħażagħ ta’ sittax-il sena.