Illum il-Kumitat tal-Abbozzi tal-Liġijiet approva l-liġi għat-twaqqif tal-Awtorità għall-Bini u Kostruzzjoni.
Dan tħabbar kważi xahrejn wara li l-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament kien ħabbar li din il-liġi se tirregola u tissorvelja l-industrija tal-kostruzzjoni.
Dr Abela kien saħaq li pajjiżna kellu bżonn Awtorità attrezzata tajjeb u bir-riżorsi u l-kompetenzi meħtieġa biex is-suġġett jingħata l-attenzjoni xierqa.
L-Awtorità mistennija tassorbi l-funzjonijiet li kienu assenjati lill-Bord li jirregola l-Bini u lill-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini, l-Aġenzija tal-Bini u tal-Kostruzzjoni u l-Bord għall-Bennejja.
Dan filwaqt li din l-Awtorità se toħroġ linji gwida u metodoloġiji ta’ prattika tajba u regolamenti maħsuba biex jitjiebu l-prattiċi tal-bini u l-kostruzzjoni f’Malta, u tara li dawn jiġu osservati.
Kien ġie spjegat ukoll li din ħa żżomm reġistru tal-kumpaniji li joffru servizz tal-kostruzzjoni.
Dan hu reġistru li se jgħin biex jiġi regolat is-settur.
Dan il-pass sabiex jiġi regolat is-settur min-naħa tal-Gvern kien intlaqa’ wkoll mill-Kamra tal-Periti kif ukoll mill-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet Chris Agius ħadmu mill-qrib f’isem il-Gvern għat-twaqqif ta’ din l-Awtorità.
Fuq din l-awtorità se jpoġġi wkoll rappreżentant tal-Oppożizzjoni.