Malta se tingħata €123 miljun mill-aħħar pakkett ta’ għajnuna finanzjarja mil-Kummissjoni Ewropea mill-mekkaniżmu ta’ bonds soċjali, imsejħa SURE. Seba’ stati membri Ewropej se jibbenefikaw mit-tieni ħarġa ta’ fondi minn dan il-mekkaniżmu, li jlaħħaq id-€9 biljun.
Dan is-self li qed qed jingħata se jgħin lill-Istati Membri jżidu l-infiq biex ikunu salvagwardjati l-impjiegi.
Din hija t-tieni darba li Malta bbenefikat minn fondi minn dan il-mekkaniżmu partikolari, biex b’kollox se tkun ħadet €244 miljun. L-Italja hija l-aktar pajjiż li se jkun ħa fondi minn dan, hekk kif b’kollox se jkun issellef €27.4 biljun.
B’kollox, 16-il Stat Membru ħadu fondi mis-SURE, fosthom il-Litwanja, il-Kroazja u l-Islovakkja.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen qalet li b’SURE, il-Kummissjoni se tassigura sa €100 biljun f’self lill-Istati Membri biex dawn iħaddmu skemi ta’ rkupru finanzjarju mill-pandemija. Dan kollu se jipproteġi l-impjiegi tal-Ewropej, u jsaħħaħ in-negozji fil-bloc.