Żewġt iklieb tar-razza poodle, nstabu jiġru fit-toroq Maltin bejn ħajja u mewt, fi stat ħażin ħafna, mingħajr imħabba u għajnuna.
Iż-żewġt iklieb instabu fi stat ħażin it-tnejn, iżda fi kliem l-AAA (L-Assoċjazzjoni għal klieb abbandunati), il-kelba kienet fi stat agħar hekk kif tip ta’ dud kien qed jiekol il-ġilda tagħha, kuljum. Din il-kelba kellha feriti gravi f’waħda minn saqajha, li x’aktarx xorta waħda mhux ser tkun tista’ tuża wara l-kura. Snien il-kelba kienu fi stat ħażin ħafna, li saħansitra ma bdewx iħalluha tiekol.
Kif juru dawn ir-ritratti l-istat tal-kelb ukoll ma kinitx waħda pjaċevoli, u l-volontiera tal-Assoċjazzjoni fuq facebook esprimew kif ma jifilħux jaraw aktar minn dawn l-abbużi, fuq annimali li ma jistgħux jaqbżu għalihom innifishom.
Dawn il-volontiera b’qalb kbira qed jieħdu ħsieb lil dawn iż-żewġt iklieb, flimkien ma’ mijiet oħrajn, u ta’ kuljum joffrulhom l-imħabba u għajnuna li sid dawn il-klieb għażlu li jċaħduhom minnhom.