Fil-ġimgħat li ġejjin is-servizz tal-pulizija fil-komunità se jiġi estiż għal disa’ lokalitajiet oħra, dawn huma San Ġiljan, il-Kalkara, il-Ħamrun, Santa Venera, il-Marsa, Ħal Tarxien u tliet ibliet.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-binja tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, l-istess binja li f’Awwissu tal-2019 kien tnieda l-proġett pilota għall-Mellieħa stess.
Il-Ministru Camilleri qal, “Dak ix-xogħol li sar f’dawk it-tnax-il lokalità jiġi replikat f’dawn il-lokalitajiet anke jekk xi wħud minnhom huma bi sfidi partikolari. Lejn l-aħħar ta’ din is-sena wkoll se nerġgħu naraw estensjoni oħra tal-community police sakemm naraw li dan is-servizz ikun wieħed offrut madwar Malta u Għawdex, sabiex naraw illi l-komunitajiet tagħna jkunu komunitajiet fejn isir kollaborazzjoni aħjar mal-Korp tal-Pulizija u jkunu komunitajiet aktar siguri.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qal illi minn mindu tnieda dan is-servizz tjiebet il-komunikazzjoni bejn il-komunità u l-membri tal-Korp tal-Pulizija. Huwa saħaq ukoll illi apparti ż-żieda fil-preżenza fil-lokalitajiet, il-pulizija żiedet ukoll il-preżenza tagħha fuq il-mezzi soċjali sabiex b’hekk iċ-ċittadin ikun aktar moqdi.
Il-Kummissarju Gafà qal li bħalissa hemm 25 membru tal-korp li qed jaħdem fil-komunità filwaqt li 31 oħra għaddejjin bit-taħriġ biex jingħaqdu mat-tim li dejjem qed jikber tal-pulizija fil-komunità.
Minn Otturu, mindu dan il-proġett ġie estiż fi 11-il lokalità oħra, sal-lum saru madwar 9,500 siegħa ta’ rondi bil-mixi filwaqt li saru madwar 4,000 kilometru ta’ rondi bir-roti.