Il-Gvern ħabbar miżura ta’ simplifikazzjoni li tikkonċerna l-għoti ta’ għajnuna għal persuni li għandhom diżabilità severa.
F’konferenza tal-aħbarjiet virtwali bit-tema Gvern għan-nies, ġie mħabbar li madwar disgħin fil-mija ta’ persuni li għandhom diżabilità severa mhux se jkollhom għalfejn jerġgħu jidhru quddiem il-bord mediku, meta jagħlqu l-età ta’ 16-il sena.
Permezz ta’ din ir-riforma, il-ġenituri ta’ tfal li jkunu se jagħlqu is-sittax-il sena, u li jkunu qed jirċievu għajnuna għal tfal b’diżabilità se jibdew jiġu avżati direttament sabiex jipprovdu l-informazzjoni meħtiega dwar uliedhom, minħabba li jsir ‘means testing’. Bl-informazzjoni mogħtija imbagħad tiġi pproċessata l-applikazzjoni awtomatika u min ikun intitolat jibda l-ħlas tal-benefiċċju mingħajr mat-tfal jerġgħu jittellgħu bord.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon fakkar kif issa dawk il-persuni b’diżabilità li ma jistgħux jaħdmu, minħabba d-diżabilità tagħhom, qed jieħdu għal dak li huwa ekwivalenti għall-paga minima nazzjonali, filwaqt li saru numru ta’ inċentivi biex jidħlu aktar persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol.
Qal kif, “Din hija miżura li bis-saħħa tagħha, disgħin fil-mija ta’ dawk it-tfal li kellhom bżonn imorru quddiem il-Bord Mediku meta jagħlqu sittax-il sena, dawn il-persuni se jibqgħu jieħdu l-allowance mingħajr ma imorru quddiem dan it-tieni bord.”
Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli spjegat li f’Novembru li għadda l-Ministeru li tmexxi nieda proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet involuti.
Matulu tqajjem il-punt kif persuni fost l-oħrajn b’Down Syndrome, ikollhom ta’ 16-il sena jerġgħu jitilgħu quddiem bord mediku biex jikkonferma jekk il-persuna jkollhiex verament diżabbiltà severa.
Dan meta nafu li bħal kundizzjonijiet mediċi oħra, tarbija li titwieled b’down syndrome tibqà tgħix b’din il-kundizzjoni tul ħajjitha.
Spjegat, “Dan il-proċess ta ’simplifikazzjoni din l-inġustizzja se jiġi kkorreġut u għalhekk persuni b’diżabilità mħux biss bid-downsyndrome li ikollhom diżabilità severa jevitaw li jgħaddu minn dan il-proċess.”
Intant il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li żewġ ċentri tal-Aġenzija Sapport se ikunu qed jinfetħu biex jiżdied it-tilqim għall-Covid-19 ta’ persuni li għandhom diżabiltà u li jattendu f’dawn iċ-ċentri.