“Il-ħidma tagħna ta’ wara l-pandemija, irridu nagħmlu l-għeruq tagħha llum.” Hekk sostna l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, il-Ħadd filgħodu waqt programm ta’ diskussjoni fuq ONE hekk kif spjega l-mentalità ta’ Gvern Laburista fl-aħħar sena minkejja l-pandemija.
Dr Abela spjega kif dan il-Gvern ma setax joqgħod jistenna l-pandemija tgħaddi sabiex ikompli bil-ħidma tiegħu u minkejja l-pressjonijiet kbar li kien hemm xorta rnexxielu jwassal numru ta’ riformi kbar għall-poplu Malti u Għawdxi. Fost oħrajn Dr Abela semma r-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-1995 u kif se twassal ġustizzja ma eluf ta’ sidien u inkwilini wara għexieren ta’ snin mingħajr ma ġiet indirizzata din il-problema.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Lil dawk l-eluf ta’ persuni li setgħu jispiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom x’ngħidilhom? Għax hemm il-pandemija? Ma nistgħux ngħidu hekk u ma nistgħux inkunu aħna insensittivi għar-realtajiet u għalhekk li minkejja l-pandemija għamilna riforma storika fil-liġi tal-kera ta’ qabel l-1995. Riforma li kienet ambizzjuża għaliex ħadd ma ried jagħmilha qabel.”
Spjega wkoll kif bħalissa Gvern Laburista għaddej b’għadd ta’ riformi fosthom dik dwar l-użu responsabbli tal-Kannabis.
Dr Abela sostna: “Żgħażagħ li qed jagħmlu l-kors universitarju u ġew umiljati, interrogati jew fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija jew l-għassa tal-Pulizija. Issa jien staqsejt lili nniffsi, għidt li issa qiegħed f’pożizzjoni li nista’ nġib bidla u għaldaqstant ressaqna dawn il-bidliet ’il quddiem biex nibdlu l-ħajjiet tan-nies u rridu nifhmu wkoll li r-realtà li l-pandemija se tgħaddi teżisti u ma nistgħux nitkellmu biss illum fuq il-Covid.”
Il-programm kompla jinkludi l-esperjenzi ta’ persuni differenti. Fosthom kien hemm l-Edukatriċi Abigail Camilleri li faħħret l-investiment li għamel dan il-Gvern f’ħafna oqsma fil-gżira ta’ Għawdex. Fost oħrajn aċċennat għall-investiment fil-qasam edukattiv mill-Gvern sabiex l-istudenti jibqgħu jipprogressaw u jiksbu l-għarfien neċessarju għal futur sabiħ quddiemhom.
Dwar Għawdex qal li din se tibqa’ fiċ-ċentru tal-prijoritajiet ta’ dan il-Gvern hekk kif aċċenna għall-ħidma tal-Gvern fost oħrajn fuq il-fast ferry.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq: “Se jkun gamechanger għaliex illum qed nitkellmu aħna li mill-Port il-Kbir għall-Imġarr Għawdex se joħodlok biss 45 minuta jew inqas. Dan huwa żvilupp importanti immens fejn qed naraw li fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju jibda jitħaddem dan is-servizz.”
Ġie diskuss ukoll il-mekkaniżmu li permezz tiegħu se tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika. Dwar dan intervjeniet l-Avukat Lynne Faure hekk kif spjegat li l-mekkaniżmu huwa xhieda ta’ impenn kbir minn Gvern Laburista favur politika aktar ugwali u rappreżentattiva.
Dr Faure qalet, “Is-sehem ta’ kulħadd huwa bżonjuż iżda jinħass ukoll li l-ugwaljanza għandha tiġi ppratikata fuq livell nazzjonali bħal dak ukoll kif qed naraw f’dan il-mekkaniżmu li dan jagħti inċentiv biex dawn il-prinċipji jkunu wkoll għall-ġid komuni.”
Dwar dan il-mekkaniżmu, il-Prim Ministru tenna li kull bidla ġġib id-dibattitu u l-kontroversja madankollu dan mhuwiex Gvern li jibża’ mill-bidla.
Sostna li l-Gvern seta’ baqa’ kwiet u jinjora d-diskrepanza fil-parteċipazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel, madankollu ħadem biex issa eventwalment il-poplu jifhem l-importanza tal-bilanċ u li din aktar ’il quddiem tinkiseb b’mod naturali.
Dr Abela temm jenfasizza l-importanza tal-kuntatt man-nies li f’dawn l-aħħar xhur ġie ristrett. Saħaq li dan il-Gvern se jibqa’ wieħed umli u sensittiv għall-bżonnijiet tan-nies sabiex dan il-pajjiż jibqa’ miexi ’l quddiem.
Huwa tenna: “Nibqgħu nħobbu lin-nies, nibqgħu sensittivi għall-bżonnijiet tagħhom. Nibqgħu nagħtu t-tama, nibqgħu nagħtu l-kuraġġ, nibqgħu nnisslu fin-nies sens ta’ pożittività u ottimiżmu sabiex flimkien bħala pajjiż wieħed noħorġu flimkien minn dan il-mument, inħarsu lura u nkunu kburin ngħidu kull wieħed u waħda minna konna qegħdin hemm meta l-pajjiż sejħilna, konna qegħdin hemmhekk biex b’responsabbiltà u sagrifiċċju kollettiv għamilna dak li kien meħtieġ biex naraw li l-poplu tagħna jibqa’ miexi ’l quddiem u nibqgħu nagħmlu l-ġid għall-pajjiżna.”