Malta attwat il-mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea dwar ix-xiri konġunt u l-għoti tal-vaċċin kontra l-COVID-19 b’mod intelliġenti, iżda bl-ebda mod ma’ morna kontra ftehim li mbottajna aħna stess.
Dan sostnieh id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fuq il-programm PaperScan fuq ONE il-Ħadd filgħodu, fejn iċċara fost l-oħrajn dwar l-ilmenti minn pajjiżi bħall-Awstrija li Malta qed tirċievi wisq dożi tal-vaċċin kontra l-COVID-19.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne stqarr: “M’għamilna xejn li mhux skont il-ftehim li konna aħna stess li mbuttajna biex ikun hemm mal-UE, forsi konna aktar intelliġenti minn ħaddieħor kif il-ftehim nattwawh. Aħna rnexxielna nġibu l-ogħla numru ta’ tilqim ras għal ras, mhux għax għamilna negozjati minn taħt jew sigrieti, imma għax użajna l-ftehim b’mod intelliġenti.”
Fearne spjega li pajjiżi oħra talbu l-parir ta’ Malta: “Kien hemm pajjiżi bħal-Lussemburgu li staqsew kif qed inlaqqmu biex jagħmlu bħalna. Aħna nieħdu pjaċir li naraw lil ħaddieħor ilaqqam b’rata mgħaġġla bħalhom. M’għamilna xejn kontra l-ftehim, għamilna dak li jaqbel għal pajjiżna, u hekk se nibqgħu nagħmlu.”
Il-Ministru għas-Saħħa żied jaċċenna li pajjiżna u l-awtoritajiet tas-saħħa ta’ Malta ħadu l-miżuri favur it-trażżin tal-imxija dejjem f’waqthom.
Huwa sostna: “Aħna l-miżuri li daħħalna kienu miżuri addattati għal kull waqt li konna fih. Kieku għamilna miżuri esaġerati mill-bidu jew f’ħin illi ma kellniex neċessarjament l-ħtieġa tagħhom konna nispiċċaw noqtlu l-ekonomija kollha, noqtlu l-ħajja soċjali kollha u xorta nibqgħu bil-virus. Jiġifieri aħna dejjem ħadna l-miżuri fil-ħin tagħhom, fil-waqt tagħhom.”
Chris Fearne qal li fl-aħħar jiem l-Aġenzija Amerikana tal-Prevenzjoni tal-Mard tat gwida importanti fuq dawk in-nies imlaqqma diġà.
Huwa tenna: “Is-CDC, li hija l-Aġenzija Amerikana tal-Prevenzjoni tal-Mard ħarġet indikazzjonijiet u tat gwida illi dawk il-persuni li jkunu ħadu t-tieni doża tat-tilqima u jkun għadda ċertu żmien, ikunu protetti biżżejjed biex anke jekk jiltaqgħu ma’ persuna pożittiva ma joqogħdux ġo kwarantina. Din hija aħbar importanti ħafna.”