L-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni dwar il-pandemija kompliet toħroġ fil-beraħ f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha d-deputat Nazzjonalista u l-kelliem għat-tiġdid politiku, Claudio Grech qabel malposponiment fil-ħruġ tal-‘vouchers’ sabiex ma jibgħatx messaġġi kunfliġġenti fi żmien fejn pajjiżna qed jiġġieled l-imxija tal-Covid-19.
Mistoqsi direttament, Claudio Grech m’ammettiex li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien żbaljat meta ried li l-Gvern joħroġ il-vouchers iżda qalilna li hu jinsab ċert li d-deċiżjoni li ħa l-Gvern kienet tajba fiċ-ċirkostanzi.
Grech stqarr “Jien tal-vouchers naħseb illi hija deċiżjoni tajba li l-‘vouchers’ ġew posposti. Jien m’għandi l-ebda dubju illi dik hija deċiżjoni tajba, u aħna bħala Partit Nazzjonalista serraħ moħħok…”
Meta kien mistoqsi minn ONE News: “Kien żbaljat Dr Grech meta għamel pressjoni għaliha?”
Claudio Grech wieġeb: Issa ifhimni, int qed tipprova tgħid żbaljat u mhux żbaljat, jien qed ngħidlek li dik hija deċiżjoni tajba.”
Sa ftit tal-ġimgħat ilu, il-Kap Bernard Grech kien qed jattakka lil Gvern u jistaqsi għaliex il-vouchers kienu għadhom ma ħarġux.
Dan għalkemm issa Bernard Grech qed jgħidilna li hu ilu jaf bil-varjant Ingliż tal-Covid-19.
Grech kien qal, “U anke fejn jidħlu propju l-vouchers il-Gvern jgħidilna eżattament x’inhi r-raġuni għalfejn għadu ma ħariġx il-vouchers.”
Minħabba li l-Partit Nazzjonalista ilu jgħid li qed jimxi fuq il-pariri tal-esperti tiegħu dwar il-Covid-19, kien biss f’loku li nistaqsu min huma dawn l-esperti, għajr għad-deputati Stephen Spiteri u Maria Deguara, dik li qalet li l-vaċċin mhux is-soluzzjoni. Iżda għalkemm bix-xengila ta’ rasu d-deputat Nazzjonalista Claudio Grech deher jaqbel magħna meta għidnielu li Bernard Grech ma kienx tana ismijiet, lanqas hu ma kien jaf iwieġeb preċiżament il-mistoqsija.
Meta reġa’ kien mistoqsi: “Jumejn ilu lill-Kap tal-PN Bernard Grech staqsejnieh jgħidilna min huma l-esperti fil-qasam tas-saħħa għan-naħa tal-Oppożizzjoni, ovjament bqajna wkoll bla ismijiet, min-naħa tal-Gvern nafu li hemm Mr. Fearne, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u l-esperti tagħha, it-tim tagħha. Lesti ttuna l-ismijiet tal-esperti tagħkom li qegħdin fuq in-naħa tal-Oppożizzjoni?”
Grech qal, “Hemm numru ta’ nies, numru ta’ esperti illi qed jagħtu l-input tagħhom lill-Partit Nazzjonalista.”
Meta għal darb’oħra kien mistoqsi: “Tgħidilna min huma?”
Claudio Grech tenna: “Issa inti tifhem… u fosthom ukoll hemm numru ta’ nies li huma wkoll impjegati fl-amministrazzjoni pubblika.