L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li m’hemm l-ebda raġuni għala għandha titwaqqaf it-tilqima tal-AstraZeneca.
Esperti tal-WHO qalu li ma sabu l-ebda rabta bejn it-tilqima u każijiet ta’ trombożi ta’ nies li tlaqqmu b’dożi partikolari tal-vaċċin tal-AstraZeneca.
F’Ġinevra, il-Kelliema tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa Margaret Harris qalet kif dan il-vaċċin tal-AstraZeneca huwa wieħed eċċellenti.
Din ir-reazzjoni mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa saret wara li numru ta’ pajjiżi ssospendew l-użu ta’ dan il-vaċċin.
Margaret Harris qalet kif l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa għamlet l-investigazzjonijiet tagħha wara dawn ir-rapporti iżolati ta’ imwiet. Qalet kif s’issa m’hemm l-ebda imwiet li ġara kawża tat-tilqim li ngħata.
Ilbieraħ, l-uffiċċju tad-Deputat Prim Ministru u Ministeru għas-Saħħa qa; li ma kien hemm ebda rapport ta’ reazzjoni minn persuni f’Malta li tlaqqmu minn kunsinja partikolari tal-AstraZeneca.
L-Awtorità tal-Mediċini Maltija rrakkomandat li l-programm ta’ vaċċinazzjoni tal-Astrazeneca jissokta kif pjanat.
Dan wara li l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, l-EMA qalet li m’hemm ebda indikazzjoni li l-vaċċin ta’ kontra l-Covid-19 tal-AstraZeneca jikkawża għoqiedi tad-demm.
L-Aġenzija saħqet li l-benefiċċji ta’ dan il-vaċċin huma ħafna ikbar minn effetti oħra li l-vaċċin jista’ jħalli fuq il-ġisem tal-bniedem.