ONE News għandu korrispondenza f’idejh li turi li l-Kappillan tal-Bażilika Minuri ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid jiġi mċanfar mill-Isqof Awżiljarju Monsinjur Joseph-Galea Curmi.
Il-kwistjoni ddur fuq il-ftuħ tal-knejjes u x’jista’ jsir jew x’ma jistax isir ġo fihom biex kollox ikun konformi mal-miżuri tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Jirriżulta li minn korrispondenza ta’ emails li ġiet f’idejn ONE News, is-Segretarjat tal-Paroċċi bagħat email lill-Provinċjali, Kappillani u Arċiprieti kollha ta’ Malta fejn ingħad li matul dan ix-xahar, il-knejjes xorta jistgħu jiftħu f’xi ħinijiet kemm-il darba jibqgħu jinżammu l-miżuri ta’ mitigazzjoni.
Intqal li għalkemm persuni jistgħu jagħmlu mument ta’ talb personali fil-Knisja m’għandux isir talb organizzat.
Ftit minuti wara li ntbagħtet din l-email, il-Kappillan ta’ Raħal Ġdid Dun Marc André Camilleri wieġeb u talab biex tal-Kurja jieqfu jgħadduh biż-żmien.
Dun Camilleri, li mit-tweġiba tiegħu jidher li ma qabilx li ma jsirx il-quddies kollu li jsir fil-Knisja, talab biex jistenna tweġiba għall-argumenti tiegħu, inkella kien se jirranġa hu.
Għal din l-email, pront wieġbu l-Isqof Awżiljarju, l-id il-leminija tal-Arċisqof Charles Scicluna u qal lill-Kappillan ta’ Raħal Ġdid li le ma jirranġax differenti minn dak li ddeċieda l-Arċisqof ta’ Malta.
Monsinjur Galea Curmi żied jgħid lil Dun Camilleri, li mhux l-ewwel darba li kien fl-aħbarijiet, li uża ton arroganti u li dan ma jgħinx.
L-affari ma waqfitx hawn, għaliex ftit wara, Dun Marc André Camilleri talab spjegazzjoni mill-Arċisqof dwar x’iddeċieda fuq il-ftuħ tal-Knejjes.
Aktar qabel il-Kappillan ilmenta li bil-miżuri preżenti n-nies mhux se jitqarbnu u fisser kif se jintbagħat messaġġ li l-membri tal-Kleru huma priveleġjati.
“Kif ser inwieġbu lin-nies li qed jitolbuna nitqarbnu? Li l-kleru għandu l-privileġġ li jitqarben, u l-poplu jitqarben minn fuq it-televixin?”, staqsa Dun Marc André Camilleri f’waħda mill-emails.
Dun Camilleri ilmenta li hu sar jaf bl-aħbar tal-għeluq tal-knejjes wara li sema’ l-Ministru tas-Saħħa jgħid dan f’konferenza tal-aħbarijiet u semgħu jgħid li tkellem mal-Arċisqof waranofsinhar fuq hekk.
Hawn staqsa lill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi jekk hu bħala Kappillan hux stmat.