Il-Professur Alfred Vella, li preżentament huwa r-rettur tal-Università ta’ Malta u l-Professur Frank Bezzina, li bħalissa huwa d-Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accountancy huma ż-żewġ kandidati li ġew innominati għall-elezzjoni ta’ Rettur għall-Università.
Dan intqal permezz ta’ stqarrija li ntbagħtet mill-Università ta’ Malta, fejn ġie spjegat li l-ftuħ tan-nomini ngħalaq illum f’nofshinar.
L-Università qalet li fil-25 ta’ Marzu se sseħħ laqgħa straordinarja tal-Kunsill ippresedut mill-President tal-Kunsill, il-Perit Karmenu Vella, li matulha l-membri tal-Kunsill għandhom jivvutaw b’mod sigriet biex jaħtru Rettur għal mandat ieħor ta’ ħames snin.
Dan wara li ż-żewġ kandidati se jintalbu jagħtu preżentazzjoni u jwieġbu għall-mistoqsijiet.