Aktar minn 10,000 pazjent li ma jistgħux joħorġu mid-dar qed igawdu mis-servizz tal-Commcare, fejn f’sena f’pajjiżna qed isiru ‘l fuq minn 930,000 intervent.
Dawn is-servizzi jvarjaw minn dawk ta’ infermiera, carers, fiżjoterapista, podoloġija, speech therapist, occupational therapist u servizz ta’ qwiebel fid-dar.
Dan ġie mħabbar propju f’konferenza tal-aħbarijiet fejn fiha ġie ppreżentat studju mill-istatistiku Vincent Marmara ma’ dawn il-pazjenti.
F’dan l-istudju nstab li l-maġġoranza, jew 97.7% tal-pazjenti qalu li huma sodisfatti ħafna b’dan is-servizz. Min-naħa l-oħra 94.9% tal-pazjenti qalu li jħossu li l-infermiera jew il-carer li jagħtu s-servizz jafu sew xogħolhom u 97.1% jħossu li l-professjonisti huma kompetenti.
L-istudju ta’ Marmara wera li 95.7% tal-pazjenti jħossu li l-professjonisti li qegħdin jikkurawhom qed jifhmu l-bżonnijiet tagħhom.
Is-servizz tal-Commcare jiġi offrut mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Anzjani Michael Farrugia qal il-ħidma trid tara li s-servizzi dejjem jitjiebu u jkunu aħjar għal dawn il-pazjenti. Saħaq li dan kollu qed jara li l-anzjani jibqgħu fi djarhom ma’ qrabathom u mhux jispiċċa f’dar tal-anzjani.