Vince Muscat magħruf bħala l-Koħħu, żvela mal-Pulizija li kien Jamie Vella li allegatament spara u qatel lill-Avukat Carmel Chircop fl-elfejn u ħmistax minn ġol-karozza, filwaqt li saħaq li tħallas għoxrin elf ewro għall-involviment tiegħu f’dan l-omiċidju. Muscat ingħata il-proklama biex jitkellem u jgħin f’dan il-każ.
Dan ħareġ propju t-Tlieta filgħodu meta kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala tal-Maksar, Jamie Vella u George Degorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż akkużati bl-involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-Avukat Carmel Chircop.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ntqal kif Robert Agius se jkun akkużat ukoll li ordna l-qtil ta’ Chircop.
Fuq il-pedana tax-xhieda s-Supretendent Keith Arnaud qal li l-Koħħu qalilhom li dakinhar tal-qtil tal-Avukat sitt snin ilu, fil-karozza kienu hu, George Degorigio bħala xufier u Jamie Vella li allegatament spara ħames tiri.
Vince Muscat qal li r-rotta minn fejn għaddew sabiex wettqu l-qtil kienu prattikawha minn qabel u ġie spjegat li wara d-delitt dawn allegatament marru ġol-appartament ta’ Vella, biddlu l-ħwejjeġ u telqu għal rashom.
Mal-Pulizija, il-Koħħu tenna li l-ewwel ġabar għaxart elef ewro mingħand Degorgio imbagħad għaxarat elef ewro oħra mingħand Agius.
Intant, Keith Arnaud irrakkonta li l-Koħħu qal kif darba fl-elfejn u ħmistax hu kien fit-tinda tal-patata fil-Marsa u kien mar George Degorgio u qalilhom kif l-aħwa tal-Maksar kellhom biċċa xogħol għalihom, dik li joqtlu lill-Avukat.
Taħt ġurament Arnaud spjega kif mart il-vittma, Maryrose Chircop kienet qalet mal-Pulizija li Adrian Agius kellu madwar sitt mitt elf ewro dejn ma’ żewġha.
Vince Muscat saħaq ukoll mal-Pulizija kif Adrian Agius saħansitra tahom informazzjoni fuq ir-rutina ta’ kuljum tal-Avukat, fosthom li kien imur kull filgħodu jieħu kafè fin-Naxxar. Fil-Qorti ħareġ li l-karozza li ntużat fid-delitt kienu qattgħuha u ramewha, filwaqt li l-arma ramewha l-baħar fejn it-Tiger Bar il-Marsa.
Arnaud elenka kif waqt l-arrest ta’ ftit ġimgħat ilu fil-Baħrija nstabu tlett mitt gramma droga kokaina taħt is-seat ta’ Adrian Agius, filwaqt li fil-karozza ta’ ħuh instabu ħamsa u erbgħin elf ewro fi flus kontanti.
Fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, Arnaud qal li l-Koħħu, li wkoll kien ammetta l-involviment tiegħu fil-każ, qalilhom li l-bomba ġiet ittestjata f’garaxx mikri fin-Naxxar u saħaq kif George Degorgio kien staqsa jekk il-bomba kinitx aktar qawwija minn dik li tpoġġiet fil-karozza ta’ Romeo Bone fl-2017.
Il-Koħħu spjega wkoll kif Robert Agius kien ġab karozza simili għal dik ta’ Caruana Galizia biex jipprattikaw kif se jiftħu l-bieba u jpoġġu l-bomba. Hawnhekk Arnaud spjega li Robert Agius u Jamie Vella offrew flus lill-Koħħu sabiex iżomm ħalqu magħluq.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/03/09/tkompli-l-kumpilazzjoni-tax-xhieda-tal-ahwa-tal-maksar-vella-u-degiorgio-3/