L-organizazzjoni Amerikana Freedom House tat punteġġ għoli ferm, ta’ disgħin minn mija lil Malta fit-tħaddin tad-demokrazija, iż-żamma tas-saltna tad-dritt u l-governanza.
Rapport internazzjonali ta’ din l-għaqda faħħar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna, hekk kif Malta ħadet punti massimi fl-indipendenza tal-ġudikatura.
Il-Freedom House tgħid ukoll kif il-ġudikatura qed titħalla taħdem mingħajr indħil.
Fil-fatt hawnhekk ukoll ingħataw punti massimi.
Il-punteġġ ta’ disgħin minn mija għal pajjiżna huwa ferm aħjar minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Fost l-istati membri li kisbu punteġġ baxx fit-tħaddim tad-demokrazija hemm il-Bulgarija, l-Ungerija u l-Polonja.
Tal-ewwel huwa pajjiż li ngħata punteġġ ta’ tmienja u sebgħin minn mija.
Dan huwa wieħed mill-pajjiż li l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti jiddefendu iżda mbagħad jieħduha kontra Malta dwar is-saltna tad-dritt.
Fil-fatt Metsola ressqet riżoluzzjoni meqjusa bħala skandaluża kontra dawk li ħarġu jipprotestaw fil-Bulgarija.
Id-dimostranti fil-Bulgarija protestaw kontra l-Prim Ministru tal-pajjiż Boyko Borisov, li ġej mill-grupp tal-Partit Popolari Ewropew, wara li fuq Borisov ħarġu allegazzjonijiet dwar ħasil ta’ flus.
Pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea li Metsola u Casa qabżu għalih u mill-għaqda Freedom House ġie nnutat kemm għadu lura fit-tħaddin tad-demokrazija, hemm l-Ungerija, b’punteġġ ta’ disgħa u sittin minn mija.
Il-ġimgħa l-oħra ġie żvelat kif Roberta Metsola u David Casa ma ffirmawx ittra formali ta’ pressjoni sabiex il-partit tal-Prim Ministru Viktor Orbán jitkeċċa mill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew.
Fil-fatt il-partit ta’ Orbán telaq minn jeddu mill-grupp li jifforma fih ukoll il-Partit Nazzjonalista.
Pajjiż ieħor Ewropew li ma kisibx punteġġ xieraq fit-tħaddin tad-demokrazija kien il-Polonja.
Ftit tal-jiem ilu, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sab li r-riforma fil-ġudikatura fil-Polonja tikser il-liġijiet Ewropej.