It-twassil tal-aħbarijiet ilu magħna minn qabel ma l-bniedem għaraf jikteb jiġifieri xi 3,000 sena qabel Kristu. Kull min kien jitħarrek minn post għall-ieħor instabu dokumenti li juru li fejn kien jasal kulħadd kien jistaqsih minn fejn ġej, x’ħalla warajh. U jekk ikun se jitlaq l-istess: għidilna x’ikun sar minnek, tina aħbarek. Biż-żmien it-twassil tal-aħbar sar soffistikat aktar saħansitra bl-ewwel ‘ġurnali’ miktuba fuq tabelli tat-tafal jew tal-metall minn żmien ir-Rumani. Dawn bnew toroq pubbliċi apposta minn fejn ġerrej kien iwassal l-aħbar, l-aktar fejn kienet tidħol l-armata, il-gwerer jew il-politka. Ġerrej kien jasal jagħmel xi 33 kilometru kuljum u kien jitħallas b’rata fissa sakemm ma jaqtax nifsu u jibqa’ fuq il-post u l-aħbar ma tasal qatt. Ir-Rumani kienu qieshom bdew l-avviżi tal-gvern miktuba għall-2,500 belt li kellhom imxerrda fl-Imperu fil-Punent, inkluż Malta.
L-ewwel gazzetta Maltija
Il-gazzetta kien il-prezz tal-ewwel ġurnal Venezjan bl-isem Notizie scritte fis-seklu 16 iżda malajr ħa n-nar u kulħadd beda jferrex kemm jiflaħ aħbarijiet, jew aħjar avviżi, l-aktar fejn kienu jinvolvu n-negozju jew fuq dak li kienu jiddeċiedu l-gvernijiet. Biż-żmien fl-aħbarijiet tal-gazzetti bdew deħlin kurżitajiet, ħwejjeġ li jinteressaw lil ħafna, xi avveniment straordinarju, kif ukoll l-avviżi governattivi. Filwaqt li l-ġurnali bdew ifeġġu f’diversi pajjiżi Ewropej l-aktar li xterrdu bl-armati. Matul il-Gwerer Napoleoniċi kellhom ġurnal militari mimli avviżi għal kull kampanja. Malta l-ewwel gazzetta li qatt dehret kienet fil-fatt Journal de Malte (stampata bit-Taljan u l-Franċiż) li bdiet f’Lulju tal-1798; ħargu xi 10 b’kollox u l-biċċa l-kbira jinsabu l-Biblioteka, il-Belt. Dokument storiku għal pajjiżna għalkemm rari jiġi inkluż fil-wirjiet nazzjonali li jittellgħu għal diversi okkażżjonijiet. Tista’ tgħid minn dan il-ġurnal tnisslet il-Gazzetta tal-Gvern li għadha ħajja sal-lum.
La semmejna l-Franċiżi kien fil-fatt Charles-Louis Havas li beda l-ewwel aġenzija tal-aħbarijiet, dik li llum saret magħrufa bħala Agence France-Presse (AFP). Bdiha fl-1832 billi beda jaqleb aħbarijiet minn ġurnali internazzjonali u jgħaddihom lill-ġurnali f’pajjiżu ma’ kull lokal. Fl-1835 ġa kien sar internazzjonali u beda juża t-telegrafu fl-1845. Sa tard fis-seklu 19 AFP ġa kellu korrispondenti stabbiliti f’diversi kapitali tad-dinja. Illum Reuters l-aktar li qed tagħmel flus bħala aġenzija bi dħul ta’ madwar 20 biljun dollaru fis-sena.
Xbiek ta’ aħbarijiet televiżivi
Ma’ kull invenzjoni teknoloġika fi żmienna l-aħbarijiet dejjem sabu post ewlieni biex jitwasslu b’ħeffa u korrettezza. Qatt ma kien faċli tegħleb il-bias tal-bulletini tal-aħbarijiet għax kull stazzjon jew organizazzjoni għandha politka tagħha (house policy) li trid tirrispetta. Kanali tat-televiżjoni mis-satellita ‘l hawn intebħu li jekk se jkollhom l-aħbarijiet iridu jwasslu l-interessi u l-kultura ta’ pajjiżhom lil kemm nies possibli. Hekk nibtu CNN Amerikana, BBC Ingliża (ilha xxandar mis-snin 20), Sky (ta’ Murdoch preżenti kullimkien inkluż iċ-Ċina) u għalina qrib, ir-RAI li ħadet l-aħbarijiet bis-serjetà u llum waqqfet Rai News internazzjonali għal min jifhem il-lingwa fid-dinja kollha. Il-Franċiżi qatt ma jkunu lura fil-kommunikazzjoni – ivvintaw iċ-ċinema fi tmiem is-seklu 19 – u wara ħafna snin ta’ dibattitu ntebħu li kellhom iwaqqfu France 24 bl-Ingliż, bil-Franċiż u bl-Għarbi. Al Gażira hu dominanti mid-dinja tal-Lvant. Ir-Russi u ċ-Ċiniżi wkoll daħlu fl-arena li jikkomunikaw bl-Ingliż dak li jseħħ f’pajjiżhom għalkemm għad iridu jimxu ħafna biex isiru kredibbli.
Malta qatt ma baqgħet lura. Għal raġunijiet ta’ propaganda kolonjali twaqqaf ir-Rediffusion hawn fl-1935 biex jikkumbatti t-Taljan li kienet il-lingwa akkademika u amministrattiva għal sekli sħaħ. Fl-1962 il-kumpanija Ingliża rat li biex tikkumbatti lir-RAI, li kien ġa xtered sew f’pajjiżna, kien hemm bżonn l-MTV, stazzjoni Malti b’kontenut influwenti Ingliż. Ħdax-il sena wara l-indipendenza fl-1975, pajjiżna ħa x-xandir f’idejh u l-kontenut beda jirrifletti l-interessi u l-kultura tagħna ħafna aktar; xejn xejn għebet iċ-ċensura mill-barrani ta’ x’jaqbel nisimgħu u naraw.
Pluraliżmu: vantaġġ jew żvantaġġ?
Fil-bidu tas-snin 90 daħal il-pluraliżmu. Kien pass ‘il quddiem fid-demokrazija iżda ħalibna għax dal-pajjiż ċkejken wisq biex iservi daqstant għejjun ta’ xandir u aħbarijiet. Ġebbidna t-talenti u l-għarfien tekniku kemm flaħna iżda b’xi mod irnexxa għax barra li ssaħħah ix-xandir publiku ma naqasx li l-privati baqgħu jagħtu sehemhom fil-limiti tal-finanzi li jippermettulhom minhabba li d-dħul mir-riklamar Malta ma tantx jista’ jikber aktar milli hu. Ukoll jekk f’sitwazzjoni stamba, fejn il-partiti għandhom stazzjonijiet tagħhom f’kull qasam, teknikament avvanzaw ferm – illum il-kbar bl-HD – armati sa sninhom. Ix-xandir pubbliku baqa’ jinvesti fit-TV u servizzi anċillari filwaqt li fil-privat insibu l-One TV quddiemnett mhux biss fil-popolarità iżda wkoll fl-investimenti ta’ tixrid bil-mezzi soċjali (dal-portal eżempju). Iż-żewġ driegħ tal-partiti ewlenin (il-One u n-Net) ħadu l-media bis-serjetà u l-cross media tagħhom illum hi dominanti ferm – gazzetti, kotba, internet, TV u radju. Osservaturi tal-media jgħidu li l-politika hi preżenti wisq f’ħajjitna (u naħseb li veru) iżda mill-banda l-oħra ż-żewg kanali baqgħu jikkompetu wkoll f’kull qasam tax-xandir biex jagħtu servizz ħolistiku li jixbah lil dak li jagħtu x-xandara pubbliċi fl-Ewropa.
Mhemmx dubju li l-aħbarijiet ikunu l-qawwa ewlenija (flagship) ta’ kull stazzjon. Malta għad m’għandniex stazzjon bħas-CNN lokali li ma jieqafx jagħti l-aġġornamenti tal-aħbarijiet u jista’ jkun li mhawnx postu. Għaliex? Għax irridu nammettu li dal-gżejjer żgħar wisq u ftit li xejn jiġru avvenimenti biżżejjed biex timla bulletin kuljum. Fis-sajf (silly season għall-aħbarijiet) biex ittella’ bulletin eċċitanti ta’ aħbarijiet, kemm radju kif ukoll TV u anki gazzetti, xi drabi trid tegħreq l-għaraq tad-demm. Dħul il-ħarifa niċċaqilqu u għalhekk wieħed jippretendi li minn dax-xahar niskartaw aktar kronaka li toriġina mill-okkorrenzi tal-pulizija u nivvalutaw aħjar x’jagħmel aħbar ta’ interess nazzjonali. L-inventività ma tonqosx u tammira stazzjonijiet li mix-xejn joħolqu storja mqar kurjuża, iżda mhux aħbar. L-akbar vojt li fil-fehma tiegħi għad irridu nimlew, wisq iżjed fuq it-TV hi l-investigazzjoni. Għandna kmamar tal-aħbarijiet (hawn inkluż ir-radju) li għandhom ħabta jxandru dak li jiġu mitmugħa minn azjendi jew dipartimenti diversi bla ma jfittxu iżjed fil-fond. Dan jgħodd għal kulħadd. Ħasra li xi drabi wara biss ftit minuti ta’ bulletin tintebaħ liema linja u limitu (għandux aħbarijiet tajba jew le) sejjer u bil-poter tar-remote f’idek tfittex xi ħaga aktar ġdida (aħbar tkun aħbar għax ma tkunx tafha ġa) fuq xi kanal barrani.
Aħna maqsumin fis-segwitu tal-aħbarijiet?
Irridu noqogħdu attenti li ma nippolarizzawx wisq is-soċjetà Maltija. Qabel kien hawn tal-belt u tar-raħal; tal-iskola u dawk tal-id. Illum il-qasma (tal-anqas fil-media) jista’ jkun hi dawk li qed isegwu x’inhu jiġri nazzjonalment (b’ventilazzjoni qasira tal-internazzjonali) u dawk li jsegwu biss il-media barranija. Noqogħdu attenti li ma nispiċċawx b’semmiegħa u telespettaturi li j ħossuhom komdi fi gżira (bit-tajjeb u l-ħażin tal-limitu) u dawk li hawn ma jesagħhomx. It-TV għadu b’saħħtu – l-Istati Uniti d-dibattitu ta’ Clinton u Trump ftit ilu ġibed 80 miljun barra pajjiżi oħra. Fit-TV l-aħjar li nimmiraw għal dawk li jsegwu l-media lokali għax isibuha sfidanti, friska u awtentika u mhux bi drawwa jew lealtà biss. Il-poplu għandu moħħu u waqt li jisma’ u jara ħafna, jaf jagħrbel, jiżen u jiġġudika aktar milli bosta drabi naħsbu.
Ritratt f’ras il-blog juri tliet vapuri tal-cruises ipparkjati qrib xulxin is-sajf li għadda, turija ta’ movimenti pożittivi fit-turiżmu – iżda fi gżira żgħira ftit aktar ħwejjeġ jiġru matul is-silly season tal-aħbarijiet.
Ritratt tal-ġimgħa juri Triq Merkanti minn fuq bis-siġar jinbtu fin-nofs: għal xi wħud din aħbar li tara s-siġar hemm imma trid toħloq investigazzjoni għala qed jitpoġġew hemm biex issir storja interessanti. Jaqbel tgħatti l-veduti tal-bini matul it-triq jew sbieħ għax joffru kenn u dell?