F’ittra miftuħa, l-Isqof tad-Djoċesi Għawdxija Anton Teuma talab skuża lil dawk li xi darba jew oħra sofrew xi tip ta’ abbuż fil-kuntest tal-Knisja.
Dan qalu fid-dawl li żewġ qassisin Għawdxin, Dun Ġużepp Cini u Dun Ġużepp Sultana jinsabu taħt att ta’ akkuża dwar stupru u abbuż fuq abbati.
L-Isqof qal li huma ħafna dawk is-saċerdoti u r-reliġjużi li jaqdu l-ministeru tagħhom b’fedeltà u dedikazzjoni, imma jista’ jiġri li wħud, minflok ikunu tassew qaddejja għas-servizz tal-bnedmin, jispiċċaw biex jabbużaw minn persuni vulnerabbli.
Teuma tenna li ebda tip ta’ abbuż ma għandu jiġi ttollerat fis-soċjetà, inqas u inqas fil-Knisja.
Għalhekk appella lill-pubbliku li jekk jafu b’xi tip ta’ abbuż jirrappurtaw lill-Pulizija.
L-Isqof t’Għawdex qal li l-mixja tal-fejqan tal-vittma titlob li ssir ġustizzja u li min jabbuża jpatti għall-għemil ħażin tiegħu.
Spjega kif għal dan il-għan ġie mniedi helpline marbut mas-Safeguarding Commission, biex il-vittmi u l-qraba tagħhom jistgħu jsibu l-appoġġ psikoloġiku li għandhom bżonn.
Dun Anton Teuma qal li bl-għajnuna tas-Safeguarding Commission qed jiġu fformulati policies ċari biex il-familji li jibagħtu lil uliedhom fl-inizjattivi ekkleżjastiċi jkunu jistgħu jserrħu aktar moħħhom, kemm mill-ambjenti fejn imorru u kemm mill-persuni li jkunu magħhom.
Qal li jifhem ir-rabja li tista’ tinħoloq lejn min jagħmel azzjoni kerha iżda saħaq li rridu noqogħdu attenti biex filwaqt li nkunu nippruvaw insalvaw il-vittma tal-abbuż li jkun sar fil-moħbi minn individwu wieħed, ma noħolqux vittma oħra, din id-darba frott ta’ abbuż li jsir bil-miftuħ u b’mod kollettiv