Il-Gvern se jagħti elf ewro lil kull sid tar-ristorant u snackbar li mill-Ġimgħa kellhom jagħlqu minħabba l-impatt tal-pandemija.
Ħabbar dan il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo, fejn f’konferenza tal-aħbarijiet qal li din l-iskema tiswa żewġ miljun ewro.
Qal kif, “Illum permezz ta’ din l-iskema qegħdin għal darb’oħra nuru li dan huwa Gvern għan-nies mhux biss bil-kliem, iżda bil-fatti. Se nkunu qed nagħtu elf ewro lil kull ristorant u snackbar li ġie impattat bir-restrizzjonijiet li tħabbru u b’hekk għal darb’oħra inkunu ta’ għajnuna f’dan iż-żmien iebes għas-settur tat-turiżmu.”
Din l-għajnuna mħabbra ssegwi dik li qal il-Prim Ministru Robert Abela fil-jum tal-Ħamis, fejn qal li l-Covid Wage Supplement se jkun estiż sa Ġunju u s-sidien tar-ristoranti se jibdew jieħdu din l-għajnuna b’mod sħiħ, jiġifieri jaqgħu taħt Skema A.
Dan ifisser li s-sidien tar-ristoranti se jibdew jirċievu €800 għal kull ħaddiem.
Il-Ministru Clayton Bartolo spjega kif l-applikazzjonijiet għal din l-iskema se jinfetħu nhar l-Erbgħa li ġej u l-ħlas jingħata sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Dwar l-għajnuna lill-każini u l-bars, li wkoll se jibqgħu magħluqin sal-11 ta’ April, il-Ministru Bartolo qal kif se tiġi estiża l-għajnuna għalihom.
L-iskema kienet bdiet b’investiment ta’ miljun ewro u issa tlaħħaq it-tliet miljun ewro.
Hawnhekk spjega li l-bars kummerċjali se jkunu qed jieħdu tlett elf tmien mija u għoxrin ewro, il-bottegini tal-każini se jieħdu elfejn, erba’ mija u disgħin ewro u l-għaqdiet mhux politiċi li għandhom każin se jieħdu elf sitt mija u sittin ewro.
Dan l-ammont se jkopri bejn it-tmienja u għoxrin ta’ Ottubru sal-ħdax ta’ April li ġej.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Bartolo qal li fix-xahar ta’ Frar saru madwar għaxart elef u ħames mitt spezzjoni.
Minn dawn l-ispezzjonijiet tnejn u għoxrin stabbiliment instabu miftuħin wara l-ħdax ta’ bil-lejl, għoxrin stabbiliment inqabdu jiksru l-protokolli u tliet stabbilimenti ġew magħluqa kompletament.