Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar, li hija membru tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu fil-Parlament Ewropew u tat-Task Force dwar it-Turiżmu fi ħdan l-istess Kumitat, għadha kif saret firmatarja fil-Koalizzjoni għall-Futur tat-Turiżmu. Il-Koalizzjoni qed issawwar viżjoni għas-settur turistiku, u diġà stabbilixxiet 13-il Prinċipju Gwida sabiex ikun żgurat li l-industrija tiżviluppa b’mod sostenibbli. Dan tħabbar fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista.
Filwaqt li ġibdet l-attenzjoni għall-isfidi li qed jiffaċċja s-settur turistiku illum, Dr Cutajar qalet li s-settur bħalissa jinsab f’salib it-toroq. Hija sostniet li nistgħu jew immorru lura għas-sistema ta’ qabel li kienet tpoġġi piż qawwi fuq il-komunitajiet u l-ekosistemi tagħna, jew inkella nagħżlu mudell turistiku differenti li jġib lura l-bilanċ bejn il-viżitaturi, il-komunità u n-natura.
Il-Partit Laburista tenna li Cutajar insistiet li meta jitmexxa b’mod xieraq, it-turiżmu joħloq opportunitajiet fejn qabel ma kienx hemm, jindokra r-riżorsi naturali u jtejjeb il-livell tal-għajxien.
Dr Cutajar kompliet tgħid li jekk inqiegħdu l-ħtiġijiet tal-komunità fiċ-ċentru tal-viżjoni tagħna, nistgħu nibnu t-turiżmu mill-ġdid bħala forza għall-ġid tas-soċjetajiet tagħna.
L-Ewroparlamentari Josianne Cutajar żiedet tgħid li l-Koalizzjoni għall-Futur tat-Turiżmu tagħtina opportunità tajba biex nibnu b’mod aħjar u ningħaqdu lejn viżjoni komuni. Dan permezz tas-saħħa fl-għaqda, fid-diversità ta’ rappreżentanza, u fi spirtu innovattiv ta’ kollaborazzjoni.
Hija kompliet tispjega li l-Koalizzjoni għall-Futur tat-Turiżmu, twaqqfet f’Ġunju tas-sena l-oħra, hija sforz kollettiv sabiex titfassal direzzjoni aktar sostenibbli u innovattiva għas-settur turistiku. Il-Koalizzjoni hi magħmula minn sitt għaqdiet mhux governattivi, jiġifieri is-Center for Responsible Travel (CREST), id-Destination Stewardship Center, il-Green Destinations, Sustainable Travel International, Tourism Cares, flimkien ma’ Travel Foundation.
Il-Partit Laburista sostna li l-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar qed tikkampanja sabiex l-industrija tat-turiżmu torjenta mill-ġdid il-mudelli ta’ negozju tagħha billi tersaq lejn mudelli li jpoġġu l-komunitajiet lokali u l-ekosistemi tagħhom fiċ-ċentru tal-ġestjoni u l-iżvilupp tat-turiżmu. Dr Cutajar qed tinsisti wkoll fuq l-urġenza li ngħaddu mill-kliem għall-fatti sabiex inġibu s-sostenibilità fit-turiżmu.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Koalizzjoni għall-Futur tat-Turiżmu, Jeremy Sampson, laqa’ b’entużjażmu is-sehem ta’ Dr Cutajar bħala imsieħba importanti fil-ħidma lejn turiżmu aktar sostenibbli.
Huwa stqarr li neħtieġu mexxejja li għandhom il-passjoni u vuċi bħall-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar sabiex dan l-għan jingħata prijorità fuq l-aġenda, biex b’hekk it-tifsil ta’ politika u mudelli ta’ negozju jkunu jistgħu jinħasbu mill-ġdid favur turiżmu bbażat fuq il-kwalità u mhux biss fuq il-kwantità. Sampson ta merħba lil Dr Cutajar fil-komunità għall-Futur tat-Turiżmu, li diġà tinkludi kważi 500 megozju, destinazzjoni, gvernijiet, għaqdiet mhux governattivi u oħrajn li jinsabu lesti biex jimxu din it-triq ġdida.
Il-Partit Laburista temm jgħid li l-Ewroparlamentari Josianne Cutajar tappoġġja l-idea ta’ viżjoni ħolistika lejn it-tkabbir fis-settur, waħda li tiddefinixxi mill-ġdid il-mod ta’ kif inkejlu s-suċċess fit-turiżmu.
Dr Josianne Cutajar temmen li l-iżvilupp tan-Negozji Żgħar u Medji, it-tqassim ġust tal-ġid, u t-tisħiħ ta’ sistemi ta’ proviżjoni sostenibbli fuq livell lokali jeħtieġ li jkunu l-mod ġdid ta’ kif ninterpretaw is-suċċess fis-settur. Għalhekk l-Ewroparlamentari tal-Partit Laburista qed tħeġġeġ lin-negozji kollha fit-turiżmu, lid-destinazzjonijiet u atturi oħra fis-settur biex jadottaw il-prinċipji stabbiliti f’dan l-isforz lejn settur turistiku aktar sostenibbli, ġust u inklussiv.