Boban Smijkovic ta’ 45 sena mis-Serbja u Metodija Popov ta’ 40 sena mill-Maċedonja tressqu l-Qorti akkużati b’serqa nhar il-11 ta’ Diċembru minn ‘The Convenience Shop’ ġewwa l-Mosta.
Smijkovic ġie mixli wkoll li waqt dan l-allegat reat kellu arma jew munizzjon fuqu. Huwa ġie mixli wkoll b’numru ta’ serq ieħor fosthom minn ġewwa appartamenti fin-Naxxar u minn sit ta’ kostruzzjoni ġewwa San Pawl il-Baħar. Huwa ġie akkużat ukoll b’serqa minn ħanut tal-merċa f’San Pawl il-Baħar u serqa oħra minn karozza f’Ħal Qormi.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif fil-11 ta’ Diċembru kienet seħħet serqa minn żewġt irġiel u wieħed minnhom kien armat. Spjega kif dakinhar huma kienu ħarbu minn fuq il-post b’karozza li kienet mibjugħa lil persuna li tiġi minn Boban Smijkovic.
Spjega kif wara mill-investigazzjonijiet ħareġ li Boban kien involut f’numru ta’ serq differenti.
Qal kif Popov ġie arrestat wara li Boban Smijkovic ikkopera mal-pulizija.
Metodija Popov li qal li jaħdem bħala Bartender fi stabbiliment rinomat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Boban Smijkovic qal li kien jaħdem bħala electrician qabel iżda imbgħad beda juża d-droga u ma baqax jaħdem. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni talbet sabiex il-proċeduri kontra ż-żewġ akkużati jkompli b’mod indipendenti min xulxin wara l-ammissjoni ta’ wieħed minnhom.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif għalkemm mill-investigazzjonijiet ħareġ li Boban kien il-moħħ wara r-reat, Metodija kien jaf li kienu ser iwettqu r-reat u li Boban allegatament kien ser iġorr l-arma. Għalhekk il-Prosekuzzjoni talbet li jingħata sentenza ta’ priġunerija.
Id-Difiża spjegat kif dan huwa l-ewwel reat li bih tressaq l-akkużat u huwa ddispjaċieh ta’ dak li għamel. Qal kif mis-serqa kull ma qala’ kienet is-somma ta’ mitt ewro.
Il-Qorti kkundannat lil Maċedonjan Metodija Popov 18-il xahar ħabs effettivi.
Fir-rigward ta’ Boban Smijkovic id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk baqa’ jinżamm arrestat.