Il-Gvern ħabbar aktar dettalji dwar il-miżura li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela biex ma tiġix affettwata l-pensjoni tal-anzjani minħabba l-Covid-19.
Ħabbru dan il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana, hekk kif spjegaw li dan it-tibdil se jkun qed jolqot lil dawk li twieldu bejn l-ewwel ta’ Jannar tal-1956 u l-31 ta’ Diċembru tal-1961.
Il-Ministru Michael Falzon spjega kif b’hekk issa l-assessjar tad-dħul pensjonabbli għas-sena l-oħra se jittieħed biss fuq Jannar u Frar bħala s-salarju bażiku annwali.
Min-naħa l-oħra dawk li jaħdmu għal rashom u li kellhom tnaqqis fid-dħul is-sena l-oħra meta faqqgħet il-pandemija, se jkun qed jittieħdilhom inkunsiderazzjoni d-dħul tas-sena l-oħra. Dan bil-għan li ma jkunx hemm diskrepanza negattiva fil-pensjoni.
Il-Ministru Falzon spjega kif madwar 2,500 persuna mistennija jgawdu minn dan it-tibdil.
Huwa qal, “Qed nitkellmu fuq age bracket ta’ dawk li jitwieldu fin-1956 san-1961 li meta tiġi biex tinħadem il-pensjoni tagħhom ħa mmorru wkoll fuq l-income tal-2020. Hawnhekk qed nikkalkulaw li madwar 2,500 persuna jkollhom pensjoni qisha l-pandemija ma ġiet qatt. Ovvjament qed nitkellmu fuq potenzjalment 2,500 familja li seta’ kellhom pensjoni baxxa aktar milli suppost għall-kumplament ta’ ħajjithom.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana sostna l-importanza ta’ din il-miżura hekk kif se tolqot madwar 20 sena pensjoni tal-anzjani li twieldu bejn is-snin imsemmija.
Huwa spjega wkoll kif din il-miżura qed tiġi ppjanata li tibqa’ fis-seħħ sakemm tibqa’ fostna l-pandemija.
Il-Ministru Caruana sostna: “Qed naraw li sakemm ittul il-pandemija għalissa ħabbarna l-miżura viż a vis s-sena l-oħra però qed nara li evetnwalment tiġi estiż. Qed naraw li l-futuri pensjonanti tagħna ma jsoffrux telf fil-dħul finanzjarju tagħhom.”