Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu se jkun qed jixhed kontra l-aħwa George u Alfred Degiorgio, dwar l-allegat involviment tagħhom fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan sar magħruf permezz ta’ deċizjoni tal-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, hekk kif id-Difiża tal-aħwa Degiorgio oġġezzjonat li dan isir.
Dan hekk kif l-Avukat difensur William Cuschieri argumenta li jekk isir dan, se jkun hemm preġidizzju kontra l-akkużati.
Dan jista’ jsir wara li l-ġimgħa l-oħra, il-Koħħu wieġeb ħati għall-akkużi kontrih u ntbagħat ħmistax-il sena ħabs.
Waqt il-kumpilazzjoni kontra l-aħwa George u Alfred Degiorgio, il-Prosekuzzjoni mmexxija mis-Supretendent Keith Arnaud kienet se tippreżenta tmien recordings ta’ iżjed minn tliet sigħat, bid-Difiża titlob li dawn ikunu miktuba ħalli tkun iżjed faċli għad-Difiża.
Il-Maġistrat talbet biex dawn ir-recordings jiġu ppreżentati fis-seduta li jmiss, ħalli jinstemgħu fil-Qorti.