Kevin Cassar, kandidat ftit li xejn magħruf għajr għall-fatt li hu ħaten Beppe Fenech Adami, tkellem dwar kemm kien importanti għall-Partit Nazzjonalista li jneħħi lil Adrian Delia minn Kap.
Fil-Partit Nazzjonalista kulħadd jaf kemm Beppe Fenech Adami jinsab f’dagħdigħa agressiva għall-fatt li Delia se jikkontesta t-tmien distrett elettorali.
Fost id-daqqiet lil Adrian Delia kien hemm dik ta’ Cassar fuq ir-Radju tal-Knisja.
Qal, “Il-Partit Nazzjonalista għall-grazzja t’Alla neħħa lil Adrian Delia.”
Fl-intervista, li matulha kien l-uniku mistieden, Cassar emfasizza kemm il-Maltin m’għandhomx livell ta’ edukazzjoni tajjeb.
U skont Cassar, il-kandidat Nazzjonalista li meta kkontesta l-elezzjoni ma nġabarx, il-Maltin jivvotaw biss għal dak li hu ħażin u li skont hu ġejja għax hemm problema ta’ edukazzjoni fqira.
Qal, “Għandna maġġoranza kbira ta’ nies li għandhom edukazzjoni fqira li mhumiex kapaċi jaħsbu għalihom infushom, il-poplu ħa jkompli jivvota għal nies li huma korrotti.”
Kevin Cassar hu fost dawk li ħadmu biex poġġew lil Bernard Grech fil-kariga u hu wieħed minn dawk l-iktar voċiferi meta internament ikun jidher li l-Kap jista’ jiċċaqlaq minn xi pożizzjonijiet li jkun qed jieħu l-grupp tal-establishment magħruf għall-protesti kontinwi u l-attakki ħorox fuq kull min jaħsibha mod ieħor.