Ir-riforma li tħabbret mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes tirrifletti l-pożizzjoni li ħadet il-Kamra tal-Kummerċ fid-dokument tagħha ‘Rent Reforms: Eight Years on – A Review’.
Dan qalitu l-Kamra tal-Kummerċ stess fi stqarrija maħruġa l-għada li l-Prim Ministru ħabbar riforma li se tkun qed tassorbi sa €10,000 f’kirjiet minn kuntratti residenzjali li seħħew qabel l-1995.
Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li r-riforma li ġiet introdotta mill-Gvern se ddaħħal il-prinċipju ta’ kera raġjonevoli, prinċipju li se jkunu qed igawdu minnha s-sidien tal-propretajiet kif ukoll l-inkwilini. Fl-istess waqt se tkun qed issir diskussjoni bejn il-pensjonanti u dawk fuq benefiċċji soċjali ma’ dawk li jinsabu ngaġġati f’impjieg full-time. Saret ukoll distinzjoni għal propjetà li tiswa aktar minn nofs miljun ewro fejn hawnhekk l-istat se jkun qed joffri akkomodazzjoni alternattiva f’każ li l-inkwilin ma jkunx jiflaħ iż-żieda fil-kera.
Fl-istqarrija tagħha l-Kamra tal-Kummerċ innutat ukoll li dawn l-iżviluppi ġew xprunati wkoll minn deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali u l-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
Filwaqt li laqgħet din ir-riforma, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li se tkun qed tiċċara partijiet mir-riforma mal-Ministru responsabbli. Il-Kamra tal-Kummerċ se tkun qed titlob ukoll għall-valutazzjoni sħiħa tal-assi tal-inkwilini inkluż xi propjetajiet oħra li jistgħu jkunu rreġistrati fuq isimhom.
Ara wkoll:
https://www.one.com.mt/2021/02/27/10000-familja-se-jgawdu-mir-riforma-tal-kirjiet-ta-qabel-il-1995-il-pensjonanti-se-jiehdu-massimu-ta-e10000-3/