F’Delimara beda l-ittestjar fuq l-art li għandu jwassal biex ikun stabbilit minn fejn se jgħaddi l-pipeline tal-gass.
Il-proċess għandu jdum madwar ġimgħa u jinvolvi t-teħid ta’ kampjuni tal-art minn tliet postijiet differenti, b’fond ta’ madwar 60 metru. Dawn il-kampjuni se jkunu studjati biex b’hekk, meta jiġi biex jinbena l-pipeline, tintuża l-aħjar teknologija skont il-ġeologija tal-post.
Dan il-proġett huwa approvat mill-Kummissjoni Ewropea, tant li hemm fondi Ewropej allokati ghalih. Il-pipeline ta’ 22 pulzier se jgħaqqad lil Malta ma’ Gela fi Sqallija, u se jkun twil madwar 155 kilometru.